News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

13/11/2018

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – ir-Raba’ Ħarġa tal-2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑raba' ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2018, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2018. Din il‑ħarġa tirrapporta wkoll fuq is‑sejbiet ewlenin dwar ix‑xejriet tal‑infiq  tal-households f'Malta u Għawdex ibbażati fuq l‑aħħar Household Budgetary Survey u dwar l‑evoluzzjoni tal‑industrija lokali tat‑turiżmu. Barra minn hekk, ir‑rivista tinkludi studju dwar il‑flussi fis‑suq tax‑xogħol u l‑użu tagħhom fit‑tbassir tar‑rati tal‑qgħad, kif ukoll it‑traskrizzjoni tal‑lekċer pubblika ta' Nicholas Barr, professur tal‑Public Economics ġewwa l‑London School of Economics, bit‑tema Welfare State: Necessity Not Luxury li saret ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta fil‑11 ta' Settembru 2018.

F'kummentarju dwar l‑aħħar żviluppi ekonomiċi, ir‑rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija żammet ir‑ritmu tagħha matul it‑tieni trimestru tal‑2018, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'5.9% fuq bażi annwali, wara tkabbir ta' 4.9% fl‑ewwel trimestru tas‑sena. L‑attività ekonomika kienet xprunata mid‑domanda domestika, hekk kif il‑kontribut mill‑esportazzjoni netta kien negattiv. It‑tkabbir ekonomiku f'Malta kien aktar mid‑doppju ta' dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

Min‑naħa l‑oħra, it‑tkabbir potenzjali mmodera ftit, għal 5.4% matul it‑trimestru ta' Ġunju, minn 5.8% fit‑trimestru ta' qabel, għalkemm minn perspettiva storika baqa' relattivament għoli. Hu stmat li d‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali, imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri, pjuttost naqset sew matul it‑trimestru kopert, bl‑ekonomija ma tibqax topera f'livell ogħla mill‑kapaċità produttiva tagħha matul il‑perjodu riċenti.

L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju batta marġinalment għal 0.7 matul it‑tieni trimestru, iżda kompla jindika kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar mill‑medja. Jissuġġerixxi wkoll li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi qegħdin gradwalment jirritornaw lejn il‑livelli medji, wara r‑rati eċċezzjonalment għoljin tat‑tkabbir fil‑PDG irreġistrati riċentement.

Is‑suq tax‑xogħol baqa' favorevoli, b'żidiet qawwija fl‑impjiegi u aktar tnaqqis fir‑rata tal‑qgħad. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta' 3.8% fit‑tieni trimestru tal‑2018, marġinalment inqas minn dik irreġistrata fl‑istess perjodu sena qabel.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.0% f'Ġunju, konformi mal‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP fiż‑żona tal‑euro, li wkoll aċċellerat għal 2.0%. Iż‑żieda riċenti fl‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP f'Malta tirrifletti primarjament l‑impatt statistiku ta' żieda kbira fl‑importanza tas‑servizzi tal‑akkomodazzjoni fil‑basket tal‑HICP għall‑2018, li tirriżulta mit‑tkabbir qawwi fit‑turiżmu. B'kuntrast għal dan, il‑kejl tal‑Bank tal‑inflazzjoni prinċipali batta għal 0.8% f'Ġunju, filwaqt li l‑Indiċi tal‑prezzijiet bl‑imnut, li mhux affettwat mill‑infiq tat‑turisti f'Malta, żdied biss moderatament u jibqa' baxx fil‑livell ta' 1.0% f'Ġunju.

Il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti baqa' juri bilanċ pożittiv, għalkemm kien hemm tnaqqis meta mqabbel mat‑trimestru korrispondenti tas‑sena ta' qabel. It‑tnaqqis fil‑bilanċ pożittiv irrifletta żieda fl‑iżbilanċ fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija, kif ukoll tnaqqis fid‑dħul nett mill‑introjtu sekondarju. Dawn għelbu żieda fid‑dħul nett tas‑servizzi u tnaqqis fil‑ħruġ nett relatat mal‑introjtu primarju.

Il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali rritorna għal bilanċ pożittiv matul it‑tieni trimestu tal‑2018. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali bħala perċentwal tal‑PDG tela' għal 3.9%, minn 3.1% fl‑aħħar ta' Marzu. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG naqas b'0.9 ta' punt perċentwal għal 49.6%.

It‑tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta kompla jimmodera matul it‑trimestru ta' Ġunju. Fl‑istess waqt kompla jirpilja t‑tkabbir fis‑self, hekk kif il‑kreditu lil residenti f'Malta li mhumiex parti mill‑gvern ġenerali żdied b'ritmu aktar mgħaġġel. It‑tkabbir fis‑self għax‑xiri tad‑djar lill‑individwi baqa' b'saħħtu filwaqt li t‑tkabbir fis‑self tal‑banek lil kumpaniji mhux finanzjarji wera aktar sinjali ta' rkupru. Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji ddeterjora bi ftit meta mqabbel mat‑trimestru ta' qabel, għalkemm il‑livell ta' intensità jista' jitqabbel ma' dak stmat fil‑bidu tal‑2017.

Ir‑rivista tirrapporta wkoll dwar l‑aħħar deċiżjonijiet tal‑politika monetarja meħuda mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑tieni trimestru tas‑sena, il‑Kunsill kompla bix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Ir‑rati tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, fuq il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità ta' depożitu baqgħu l‑istess, jiġifieri 0.00%, 0.25% u ‑0.40%, rispettivament. Dawn ir‑rati huma mistennija li jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas matul is‑sajf tal‑2019 u sakemm ikun meħtieġ.

Il‑Kunsill ikkonferma wkoll li x‑xiri taħt il‑programm ta' xiri ta' assi (APP) ser jibqa' jsir bir‑rata ta' kull xahar ta' €30 biljun sal‑aħħar ta' Settembru 2018. Ir‑rata ta' kull xahar ta' dan ix‑xiri kellha mbagħad titnaqqas għal €15‑il biljun sal‑aħħar ta' Diċembru 2018. Wara dan, ix‑xiri kellu jintemm.

Il‑Kunsill ikkonferma wkoll li ser ikompli jinvesti l‑pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw u mixtrija taħt l‑APP għal perjodu aktar fit‑tul wara t‑tmiem tax‑xiri nett ta' assi, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ sabiex iżomm kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja.

Ir‑raba' ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għall‑2018 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju