News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

08/11/2018

Ħarġa numiżmatika u filatelika li tfakkar it-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija

Fil‑11 ta' Novembru 2018, il‑MaltaPost, f'kollaborazzjoni mal‑Bank Ċentrali ta' Malta, ser toħroġ ħarġa numiżmatika u filatelika li tikkonsisti f'munita tar‑ram isfar u bolla postali li jfakkru l‑mitt sena mill‑Armistizju li ġab fi tmiemha l‑Ewwel Gwerra Dinjija. Fil‑11 ta' Novembru 1918, l‑alleati u l‑Ġermanja ffirmaw armistizju li wassal għat‑tmiem tal‑Ewwel Gwerra Dinjija. Il‑gwerra swiet il‑ħajja ta' iktar minn sittax‑il miljun persuna u ħalliet impatt qawwi fuq l-iżvolġiment  tal‑istorja dinjija.

Il‑muniti tar‑ram isfar, li ġew iddisinjati minn Noel Galea Bason, kienu maħduma f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fir‑Royal Belgian Mint. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi infermiera li qiegħda tikkura suldat ferut. Dan ifakkar l‑irwol umanitarju ewlieni ta' Malta bħala 'L‑Infermiera tal‑Mediterran' matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija. Il‑figura ta' suldat u peprina huma simboli li jqanqlu tifkira u jagħtu ġieħ lill‑ħafna nies tas‑servizz, inklużi madwar sitt mitt Malti, li mietu waqt il‑kunflitt. Matul il‑gwerra, Malta kellha sebgħa u għoxrin sptar u kampijiet konvalexxenti, fejn aktar minn 130,000 midruba ġew ikkurati. In‑naħa ta' quddiem tal-munita turi l‑emblema ta' Malta.

Il‑bolla postali turi l‑bastiment Rewa, li kien iservi bħala sptar, fil‑Port il‑Kbir. Dan il‑bastiment ġie mgħerreq minn sottomarin Ġermaniż fl‑4 ta' Jannar 1918, fi triqtu minn Malta għar‑Renju Unit. Il‑munita u l‑bolla ser jiġu ppreżentati flimkien f'cover postali ddisinjat għall‑okkażjoni li fuqu ser ikun hemm timbru speċjali tal‑ewwel ġurnata tal‑ħruġ.

Dan il‑prodott, li l‑istampar tiegħu hu limitat għal 2,500, jista' jinxtara mill‑ewwel ġurnata tal‑ħruġ mill‑fergħa tal‑MaltaPost fi Pjazza Kastilja, il‑Belt Valletta. Dawn il‑covers jistgħu jinxtraw ukoll mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC) u mis‑sit elettroniku tal‑MaltaPost. Il‑prezz ta' kull cover huwa €10 inkluż il‑VAT.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email, jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8, jew billi jikkuntattja lill‑MaltaPost.

Ħarġa numiżmatika u filatelika li tfakkar it-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija

Lura lejn l-Arkivju