News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

31/10/2018

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta bir-Roża

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, permezz tal‑Kumitat tiegħu għall‑Attivitajiet Kulturali, ingħaqad ma' organizzazzjonijiet oħrajn, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u individwi sabiex ifakkar il‑Pink October. Fid‑19 ta' Ottubru, l‑impjegati tal‑Bank kienu mħeġġa jilbsu l‑kulur roża u jagħtu d‑donazzjoni tagħhom lil The Marigold Foundation għall‑għan li titqajjem kuxjenza dwar il‑prevenzjoni u t‑trattament tal‑kanċer tas‑sider. L‑impjegati tal‑Bank kienu milqugħin bi ħlewwiet u tejiet roża mal‑wasla tagħhom fil‑binjiet tal‑Bank. Matul il‑brejk saret ukoll taħdita minn persuna li fieqet mill‑marda tal‑kanċer tas‑sider, fejn qasmet l‑esperjenza personali tagħha ta' meta kienet marida.

Il‑maniġment u l‑impjegati tal‑Bank ġabru s‑somma ta' €2,300 għal din l‑inizjattiva. Matul preżentazzjoni li saret fit‑30 ta' Ottubru ġewwa Villa Francia, id‑Deputat Gvernatur, is‑Sur Alexander Demarco, flimkien ma' membri mill‑Kumitat għall‑Attivitajiet Kulturali, ippreżenta dawn il‑fondi lis‑Sinjura Michelle Muscat, iċ‑Chairperson ta' The Marigold Foundation. Id‑Deputat Gvernatur qal li din l‑inizjattiva taqa' taħt ir‑Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal‑Bank.

Is‑Sinjura Muscat irringrazzjat lis‑Sur Demarco, lill‑maniġment u l‑impjegati tal‑Bank għad‑donazzjonijiet tagħhom. Hi spjegat li l‑għan ta' The Marigold Foundation kien li torganizza avvenimenti nazzjonali tal‑Pink October għall‑benefiċċju ta' numru ta' NGOs. Is‑Sinjura Muscat enfasizzat ukoll l‑importanza ta' għarfien għall‑etajiet u s‑sessi kollha, u li għalkemm ir‑rata tal‑kanċer tas‑sider fl‑irġiel hija baxxa, hija ħeġġet ukoll lill‑irġiel sabiex jagħmlu t‑testijiet.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta bir-Roża

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta bir-Roża

Lura lejn l-Arkivju