News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018
29/10/2018
Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta bit-tema ‘Unconventional monetary policy in the euro area: Macroeconomic context, effectiveness, unintended consequences, and normalization’
It‑Tnejn 29 ta' Ottubru 2018 saret lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta bit‑tema 'Unconventional monetary policy in the euro area: Macroeconomic context, effectiveness, unintended consequences, and normalization'.
Il‑lekċer saret minn Dr Stefano Siviero, bl‑introduzzjoni għal‑lekċer issir minn Dr Aaron Grech, Chief Economist tal‑Bank. Dr Siviero hu l‑Kap tal‑Economic Outlook and Monetary Policy Directorate fi ħdan id‑Directorate General for Economics, Statistics and Research tal‑Banca d'Italia. Iservi wkoll bħala r‑rappreżentant tal‑Banca d'Italia fuq il‑Kumitat tal‑Politika Monetarja tal‑Bank Ċentrali Ewropew. Dr Siviero ppubblika numru ta' artikli f'ġurnali xjentifiċi Taljani u internazzjonali dwar suġġetti relatati l-aktar mal‑mudellar makroekonomiku u l‑ekonomija monetarja, u għallem l‑istatistika, l‑ekonometrija u l‑ekonomija internazzjonali u monetarja f'universitajiet fl‑Italja u f'pajjiżi barranin.
Fil‑lekċer tiegħu, Dr Siviero ffoka fuq l-ammont kbir ta' riċerka li saret matul dawn l‑aħħar ftit snin fil‑Banca d'Italia u f'banek ċentrali u istituzzjonijiet oħrajn fiż‑żona tal‑euro sabiex jirrivedi l‑motivazzjonijiet wara d‑deċiżjonijiet, ta' spiss straordinarji, tal‑politika monetarja meħuda mill‑Eurosistema sa mill‑2008, janalizza l‑impatt tagħhom fuq l‑attività ekonomika u l‑inflazzjoni, u jivvaluta l‑iżvantaġġi possibbli tagħhom. Il‑lekċer tat ħarsa wkoll lejn l‑isfidi li jiċċirkondaw in‑normalizzazzjoni tal‑politika monetarja matul is‑snin li ġejjin.
Dan l‑avveniment kien ir‑raba' minn serje ta' lekċers pubbliċi fil‑qasam tal‑ekonomija u l‑finanzi organizzati mill‑Bank sabiex ifakkar il‑ħamsin anniversarju tiegħu.
Preżentazzjoni mogħtija minn Dr Stefano Siviero
Lura lejn l-Arkivju