News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018
12/10/2018
Lekċer pubblika minn Ms Sabine Lautenschläger ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta
Il-Ġimgħa 12 ta' Ottubru saret lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta fil‑qasam tal‑istabbiltà finanzjarja minn Sabine Lautenschläger. Ms Lautenschläger għażlet it‑tema "Guardians of stability - central banks, supervisors and the quest for financial stability".
Ms Lautenschläger, Membru tal‑Bord Eżekuttiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u Viċi‑President tal‑Bord Superviżorju tal‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, offriet għarfien mill‑esperjenza tagħha bħala bankiera ċentrali u superviżur bankarju sabiex tispjega x'jistgħu jew ma jistgħux jagħmlu l‑banek ċentrali biex iżommu l‑istabbiltà finanzjarja. Il‑lekċer bdiet minn perspettiva storika, fejn Ms Lautenschläger mexxiet lill‑udjenza pass pass mar‑relazzjoni kumplessa bejn l‑istabbiltà fil‑prezzijiet u l‑istabbiltà finanzjarja. Lura għall‑preżent, Ms Lautenschläger tkellmet ukoll dwar il‑kompetenzi makroprudenzjali u mikroprudenzjali tal‑BĊE u dwar il‑potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għall‑istabbiltà finanzjarja.
Dr Pauline Lanzon, il‑Kap tal‑Legal Department tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, laqgħet lill-parteċipanti għal-lekċer u tat kummentarju qasir dwar ir‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja Maltija matul il‑kriżi finanzjarja globali, u dwar il‑bżonn li l‑opportunitajiet li joriġinaw mill‑innovazzjoni diġitali jiġu bbilanċjati bir‑rekwiżiti regolatorji neċessarji sabiex tinżamm reżiljenza bħal din.
Il‑lekċer ta' Ms Lautenschläger kienet parti minn serje ta' lekċers pubbliċi minn studjużi internazzjonali ewlenin u professjonisti ta' esperjenza, organizzati mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Diskors mogħti minn Ms Sabine Lautenschläger
Lura lejn l-Arkivju