News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

17/09/2018

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Kien hemm tnaqqis notevoli fin‑numru ta' karti tal‑flus tal‑euro foloz li ġew irrapportati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑ewwel nofs tal‑2018. L‑ammont totali ta' 391 karta tal‑flus falza li ġew irtirati miċ‑ċirkolazzjoni kien 17% inqas minn dak irtirat fis‑sitt xhur ta' qabel (Lulju sa Diċembru 2017), u inqas ukoll mill‑ammont irrapportat fl‑istess perjodu tal‑2017 (Jannar sa Ġunju 2017).

Meta mqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 11.16 miljun fl‑ewwel sitt xhur tal‑2018), il‑proporzjon ta' karti tal‑flus tal‑euro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.13%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 301,000 karta tal‑flus.

L‑istess kif ġara fiż‑żona tal‑euro, il‑karti tal‑€20 u tal‑€50 għadhom l‑iktar karti li jiġu ffalsifikati lokalment. Flimkien, dawn iż‑żewġ denominazzjonijiet jammontaw għal 74.2% tal‑flus foloz kollha matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2018. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karta tal‑€10 żdied bi ftit ukoll.

It‑Tabella li ġejja tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fl‑ewwel nofs tal‑2018, imqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. 

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal‑Euro

1.2

1.9

23.8

59.3

10.9

0.8

2.1

Malta

5.9

10.4

21.5

52.7

7.7

1.3

0.5

Fil‑qasam tal‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus, il‑Bank kompla bil‑programm tiegħu ta' ċertifikazzjoni permezz tat‑taqsimiet e‑learning dwar il‑flus u l‑prevenzjoni tal‑ħasil tal‑flus. Barra minn hekk, bħala sapport għall‑pubbliku ġenerali, impjegati mill‑Currency Operations Office qegħdin iżuru numru sostanzjali ta' Ċentri ta' Matul il‑Jum sabiex jagħtu taħriġ dwar kif tagħraf il‑karti tal‑flus foloz.

Minkejja l‑livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "FEEL‑LOOK‑TILT" kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.

Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑pulizija fuq 2294 2120, jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email.

Lura lejn l-Arkivju