News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

14/09/2018

“L-Unjoni Ekonomika & Monetarja: kif ibbenefikat Malta u x’inhu ġej fil-futur?”

Nhar il-Ġimgħa 14 ta' Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belt Valletta, f'kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali ta' Malta, ospitat il-konferenza "The Economic & Monetary Union: how has Malta benefitted and what does the future hold?". Wara li faqqgħet il-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-Unjoni Ewropea ħadet miżuri bla preċedent biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u tiżgura li l-Ewropa tkun ippreparata aħjar għal xokkijiet futuri. B'riżultat ta' dan, l-arkitettura taż-żona tal-euro issa hija ferm aktar robusta minn qabel. Madankollu, baqa' aktar ħidma xi ssir biex ikun żgurat li l-benefiċċji tal-UEM jilħqu liċ-ċittadini kollha tal-UE.

Il-konferenza, li saret fil-Bank Ċentrali ta' Malta, serviet kemm bħala kommemorazzjoni tal-għaxar anniversarju tal-adozzjoni tal-euro minn Malta, kif ukoll opportunità biex jiġi ċċelebrat is-suċċess ekonomiku li nkiseb tul dan id-deċennju. Offriet ukoll opportunità siewja għal prospettiva futura u biex tiġi diskussa t-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif proposta mill-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha ppubblikat f'Diċembru 2017.

Fir-rimarki tal-ftuħ tagħha, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, Dr Elena Grech, qalet li l-Kummissjoni Juncker għamlet it-tlestija ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġusta, waħda mill-għaxar prijoritajiet għall-mandat tagħha. Il-Kummissjoni enfasizzat l-idea ta' "Pjan Direzzjonali" għaliex temmen li "għandna naġixxu fuq terminu qasir ta' żmien iżda li għandu jkollna wkoll viżjoni ċara u determinazzjoni għal terminu medju u twil - sens ta' direzzjoni fejn l-UEM għandha tmur lil hinn mill-2019, sal-2025".

F'vidjomessaġġ indirizzat lill-parteċipanti, il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna, qal li "il-klima ekonomika favorevoli attwali u r-rieda politika biex tiġi approfondita l-UEM tagħti opportunità unika biex tissaħħaħ aktar l-unjoni monetarja u b'hekk issir aktar robusta. Il-kriżi taż-żona tal-ewro żvelat li kien hemm dgħufijiet ewlenin u ż-żona tal-ewro ntweriet li ma kellhiex kondiviżjoni tar-riskju: ftit li xejn mill-privat u xejn mis-settur pubbliku."

Dr Mario Vella, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, ta ħarsa ġenerali lejn l-esperjenza ta' Malta mill-adozzjoni tal-Euro fl-2008. Huwa qal: "Ir-reġistru ekonomiku tagħna jissuġġerixxi wkoll li l-parteċipazzjoni f'unjoni monetarja ma ssolvix l-iżbilanċi tal-pajjiż. Il-benefiċċji tagħha, filwaqt li potenzjalment sinifikanti, la huma immedjati u lanqas awtomatiċi, iżda jeħtieġu sforz ta' politika kredibbli. Fil-każ ta' Malta, huwa biss meta beda jaqbad il-pass tar-riforma f'dawn l-aħħar snin u dawk li jfasslu l-politika ħarġu miż-żona ta' kumdità, li l-indikaturi ekonomiċi bdew jirrispondu b'mod viżibbli u koerenti."

Il-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kien is-suġġett ta' diskussjoni bil-parteċipazzjoni ta' Alfred Camilleri, is-Segretarju Permanenti responsabbli għall-Baġit u l-Finanzi fil-Ministeru għall-Finanzi, Alexander Demarco, Viċi Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, José Leandro, Direttur għall-Politika, Strateġija u Komunikazzjoni fid-DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea u Massimo Rostano, Direttur Ġenerali għall-Politika Monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Ir-ritratti tal-avveniment jinsabu hawn.

Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil Therese Zahra, Uffiċjal għall-Istampa, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, Valletta fuq (+356) 99809659 jew lil Roxanne Cristiano, Uffiċjal għall-Istampa tal-Bank Ċentrali ta' Malta bl-email.

“L-Unjoni Ekonomika & Monetarja: kif ibbenefikat Malta u x’inhu ġej fil-futur?”

“L-Unjoni Ekonomika & Monetarja: kif ibbenefikat Malta u x’inhu ġej fil-futur?”

“L-Unjoni Ekonomika & Monetarja: kif ibbenefikat Malta u x’inhu ġej fil-futur?”

Lura lejn l-Arkivju