News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018
07/08/2018
Lekċer Pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Ekonomija tal-UE – Illum u l-Ġejjieni
It‑Tlieta 7 ta' Awwissu 2018 saret lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta bit‑tema 'The EU Economy - Today and tomorrow'.
Il‑lekċer saret mis‑Sur Reuben Borg, bl‑introduzzjoni għal‑lekċer issir minn Dr Aaron Grech, Chief Economist tal‑Bank. Is‑Sur Borg jaħdem bħala ekonomista fid‑Direttorat Ġenerali għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal‑Kummissjoni Ewropea u jgħin fil‑koordinazzjoni tat‑tbassir ekonomiku tal‑Kummissjoni. Ħadem ukoll fil‑Bank Ċentrali Ewropew, fil‑Government Economic Service tar‑Renju Unit, u fil‑Bank Ċentrali ta' Malta. Matul il‑karriera tiegħu, is‑Sur Borg ħadem b'mod estensiv fl‑oqsma tat‑tbassir u l‑mudellar ekonomiku, tal‑politika monetarja u l‑analiżi tas‑suq finanzjarju. Riċentement serva wkoll bħala uffiċjal għoli tal‑politika u negozjatur għall‑gvern Malti matul il‑Presidenza ta' Malta tal‑Kunsill tal‑UE fl‑2017.
Fil‑lekċer, is‑Sur Borg ta ħarsa ġenerali lejn l‑istat attwali tal‑ekonomija tal‑UE u daħal fid‑dettall dwar kif is‑sitwazzjoni evolviet mill‑kriżijiet finanzjarji u tad‑dejn pubbliku. Din in‑narrattiva pprovdiet l‑isfond li jikkonferma l‑prospetti tal‑blokk ekonomiku għall‑perjodu fil-qrib. Fil‑fatt, is‑Sur Borg spjega l‑aħħar sett ta' tbassir makroekonomiku tal‑Kummissjoni u l‑isfidi li ġejjin.
Dan l‑avveniment kien it‑tieni minn serje ta' lekċers pubbliċi fil‑qasam tal‑ekonomija u l‑finanzi organizzati mill‑Bank sabiex ifakkar il‑ħamsin anniversarju tiegħu.
Preżentazzjoni mogħtija mis-Sur Reuben Borg
Lura lejn l-Arkivju