News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

01/08/2018 20:30:00

S&P Banking Industry Risk Score

B'referenza għall‑pubblikazzjoni datata l‑1 ta' Awwissu 2018 tal‑S&P Banking Industry Risk score, essenzjalment ibbażat fuq il‑klassifikazzjoni tal‑Bank of Valletta, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq jafferma li s‑settur bankarju lokali jibqa' b'saħħtu, reżiljenti, profittabbli, u jgawdi minn likwidità għolja. Il‑kwalità tal‑assi tal‑core domestic banks kompliet titjieb, bis‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans) jonqos għall‑iżjed livell baxx storikament u taħt il‑medja taż‑żona tal‑euro. Banek internazzjonali żgħar, bħal Pilatus Bank, ma joħolqu l-ebda riskju sistemiku fuq l‑istabbiltà finanzjarja domestika.

Il‑mudell ta' negozju tal‑core domestic banks jibqa' fundamentalment dak li jsarraf id‑depożiti individwali għal self lil residenti u għal investiment f'titoli ta' riskju baxx. Is‑settur bankarju, b'mod partikolari l‑core domestic banks, kien diġà għaddej minn proċess rigoruż sabiex jitnaqqsu r‑riskji, li hu mistenni li jkompli u b'hekk jittaffa aktar kwalunkwe riskju perċepit ta' reputazzjoni. Kif diġà ħabbar il‑bank, il‑BOV qed jindirizza riskji, li ilhom ħafna żmien klassifikati bħala riskji ta' litigazzjoni, permezz ta' għadd ta' miżuri li għandhom ikomplu jħarsu lid‑depożitanti u jżommu l‑profittabbiltà futura tiegħu fuq linja sostenibbli.

Lura lejn l-Arkivju