News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

25/07/2018

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tielet Ħarġa tal-2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2018, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel trimestru tal‑2018. Għall‑ewwel darba, din il‑ħarġa tinkludi evalwazzjonijiet tal‑attività ekonomika li saru abbażi ta' numru ta' indikaturi kkumpilati mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, kif ukoll il‑kummentarju tas‑soltu dwar statistika nazzjonali uffiċjali. Dawn jinkludu miżuri ta' tkabbir potenzjali, kundizzjonijiet tan‑negozju, il-qgħad strutturali u kundizzjonijiet finanzjarji fl‑ekonomija Maltija.

Ir‑rivista tinkludi wkoll rapport dwar dak li ntqal fil‑konferenza tal‑4 ta' Mejju 2018 li saret biex jitfakkar il‑ħamsin anniversarju mit‑twaqqif tal‑Bank Ċentrali ta' Malta bit‑tema "Central Banks in Historical Perspective: What Changed after the Financial Crisis?". Din l‑edizzjoni tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn ix‑xejriet tal‑infiq tal‑individwi Maltin skont il‑Household Budgetary Survey, kif ukoll artiklu dwar il‑fatturi determinanti tal‑produttività tax‑xogħol f'Malta bbażat fuq stħarriġ mal-intrapriżi.

L‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'ritmu b'saħħtu matul l‑ewwel trimestru tal‑2018, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'4.4% fuq bażi annwali, wara tkabbir ta' 4.6% fl‑aħħar trimestru tal‑2017. It‑tkabbir ekonomiku kien xprunat mill‑esportazzjoni netta. Kien hemm tnaqqis fid‑domanda domestika, hekk kif it-tnaqqis fil‑formazzjoni ta' kapital fiss gross kien aktar b'saħħtu minn żidiet fil‑konsum privat u tal‑gvern. It‑tkabbir ekonomiku f'Malta kien id‑doppju ta' dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

Il‑moderazzjoni fit‑tkabbir fil‑PDG, meta mqabbel ma' dak fir‑raba' trimestru tal‑2017, irriflettiet tnaqqis mil‑livell għoli ta' attività rreġistrata fis‑snin ta' qabel, speċjalment fir‑rigward tat‑tkabbir potenzjali. Dan tal‑aħħar hu stmat li kien fil‑livell ta' 4.5% fl‑ewwel trimestru ta' din is‑sena. Il‑kejl tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali jindika li l‑utilizzazzjoni żejda tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija naqset mil‑livelli għoljin irreġistrati fl‑2015 u fl‑2016, iżda tibqa' f'livell qrib dak prevalenti fl‑2017. L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju baqa' pożittiv, bil‑medja fl‑ewwel tliet xhur tas‑sena tkun fil‑livell ta' 0.5. Dan jitqabbel mal‑1.0 fl‑aħħar trimestru tal‑2017.

Is‑suq tax‑xogħol baqa' b'saħħtu, b'żidiet qawwija fl‑impjiegi u aktar tnaqqis fir‑rata tal‑qgħad. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta' 4.4% fl‑ewwel trimestru tal‑2018, taħt il‑miżura strutturali ta' 4.8%. Dan kompla jindika element ta' skarsezza fis‑suq tax‑xogħol.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet limitata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), tkun fil‑livell ta' 1.3% f'Marzu, l‑istess rata rreġistrata f'Diċembru. L‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP f'Marzu kienet ugwali għall‑medja taż‑żona tal‑euro. Il‑kejl tal‑Bank tal‑inflazzjoni prinċipali kien kemxejn taħt ir‑rata ewlenija, u għalqet it‑trimestru fil‑livell ta' 1.1%.

Il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti baqa' f'bilanċ pożittiv. Dan irrifletta żieda fil‑bilanċ pożittiv fuq is‑servizzi, għalkemm kien hemm ukoll tnaqqis fid‑defiċit fil‑kont tal‑kummerċ tal-merkanzija. L‑analiżi tal‑Bank tissuġġerixxi li l‑pożizzjoni b'saħħitha tal‑bilanċ tal‑pagamenti tirrifletti żviluppi strutturali aktar milli ċikliċi.

Evalwazzjoni simili tgħodd għall‑finanzi pubbliċi. Matul l‑ewwel trimestru tal‑2018, il‑gvern ġenerali rreġistra defiċit għall‑ewwel darba f'sentejn, għalkemm dan irrifletta tranżazzjoni ta' darba li tat spinta liż‑żieda fl‑infiq fuq dik osservata fid‑dħul tal‑gvern. Fil‑fatt, meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali wera bilanċ pożittiv ta' 3.3% tal‑PDG. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG kompla jonqos bi ftit għal 50.4% fl‑aħħar ta' Marzu, minn 50.7% fl‑aħħar tal-2017.

Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta żdiedu b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel ma' Diċembru, parzjalment minħabba tkabbir inqas b'saħħtu fid‑depożiti overnight. Fl‑istess waqt irpilja t‑tkabbir fis‑self, hekk kif aċċellera l‑kreditu lil residenti f'Malta li mhumiex parti mill‑gvern ġenerali. It‑tkabbir fis‑self għax‑xiri tad‑djar lill‑individwi baqa' b'saħħtu, filwaqt li t‑tkabbir fis‑self tal‑banek lil kumpaniji mhux finanzjarji wera l‑ewwel sinjali ta' rkupru wara perjodu estiż ta' tnaqqis. Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji kompla jindika b'mod ġenerali kundizzjonijiet finanzjarji newtrali minn perspettiva storika.

Ir‑rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul l‑ewwel tliet xhur tas‑sena, il‑Kunsill kompla bix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Ir‑rati tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, fuq il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità ta' depożitu baqgħu l‑istess. Il‑Kunsill ikkonferma li kompla jistenna li dawn ir‑rati jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom għal perjodu estiż taż‑żmien u ferm aktar mill‑perjodu tax‑xiri nett ta' assi.

F'Ġunju, il‑Kunsill ikkjarifika li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija li jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas sas‑sajf tal‑2019 u fi kwalunke każ sakemm ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l‑inflazzjoni tkompli tiżviluppa f'konformità mal‑aspettattivi attwali ta' pjan ta' aġġustament sostnut. Ħabbar ukoll li wara Settembru 2018, ir‑rata ta' kull xahar tax‑xiri nett ta' assi ser titnaqqas minn €30 biljun għal €15‑il biljun, b'dan ix‑xiri jagħlaq f'Diċembru 2018.

Madankollu l‑pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw u mixtrija taħt l‑APP ser jiġu investiti mill‑ġdid għal perjodu aktar fit‑tul wara t‑tmiem tax‑xiri nett ta' assi, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ sabiex iżomm kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja.

‎It‑tielet ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għall‑2018 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju