News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

20/07/2018

Ħruġ ta’ munita kommemorattiva ġdida li turi t-Tempji tal-Imnajdra

Fl‑20 ta' Lulju 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑Tempji tal‑Imnajdra. Din il‑munita, li hija t‑tielet minn serje ta' sebgħa, issegwi l‑munita maħruġa fl‑2017 li t‑turi t‑Tempji ta' Ħaġar Qim.

In‑naħa ta' wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2 filwaqt li n‑naħa ta' quddiem (in‑naħa nazzjonali) turi rappreżentazzjoni tat‑Tempji tal‑Imnajdra. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita ġiet iddisinjata minn Noel Galea Bason.

It‑Tempji tal‑Imnajdra ġewwa l‑Qrendi jinsabu qrib ħafna tat‑Tempji ta' Ħaġar Qim. Is‑sit tal‑Imnajdra jmur lura għas‑snin 3,600‑3,200 QK, u huwa wieħed mill‑eqdem monumenti free‑standing fid‑dinja. Is‑sit ġie skavat għall‑ewwel darba fl‑1840 u hu magħruf l‑aktar għall‑allinjamenti astronomiċi tiegħu. It‑Tempji tal‑Imnajdra huma ddikjarati wkoll bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Dawn il‑muniti kommemorattivi ser jiġu prodotti f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment f'coin cards. L‑istampar tal‑muniti li ser jinħarġu fi stoċċijiet hu limitat għal 300,000. In‑numru ta' coin cards ser ikun limitat għal 20,000 biss. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7.

Il-muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Munita Kommemorattiva taż-€2 - It-Tempji tal-Imnajdra

Coin Card - It-Tempji tal-Imnajdra

Stoċċijiet - It-Tempji tal-Imnajdra

Lura lejn l-Arkivju