News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018

03/07/2018

Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-esperjenza ta’ Malta fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

It‑Tlieta 3 ta' Lulju 2018 saret lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta bit‑tema 'Ten years in Economic and Monetary Union - Malta's experience'.

L‑introduzzjoni għal‑lekċer saret minn Dr Aaron G. Grech, Chief Economist tal‑Bank. Ms Rita Schembri, il‑Kap tal‑Economic Analysis Department tal‑Bank, tkellmet dwar il‑kunsiderazzjonijiet ewlenin li wasslu għad‑dħul tal‑euro f'Malta fl‑2008 u l‑fatturi li kkontribwew għal integrazzjoni bla xkiel fiż‑żona tal‑euro.

Storja twila ta' investiment u arranġamenti kummerċjali ma' pajjiżi fiż‑żona tal‑euro, il‑Ftehim tal‑Assoċjazzjoni mal‑Komunità Ewropea ffirmat fil‑5 ta' Diċembru 1970 u li daħal fis‑seħħ fl‑1 ta' April 1971, u esperjenza pożittiva ta' reġim b'rata ta' kambju fissa kienu elementi essenzjali f'dan ir‑rigward, kif kien ukoll il‑livell għoli ta' konverġenza ekonomika li kien diġà nkiseb fit‑triq għall‑adozzjoni tal‑euro. Ms Schembri qalet li l‑munita unika għenet sabiex jinħoloq xenarju li jwassal għal tkabbir u prosperità, mhux biss permezz ta' tnaqqis sinifikanti fl‑ispejjeż tat‑tranżazzjonijiet u viżibilità mtejba fis‑swieq internazzjonali, iżda wkoll permezz ta' dixxiplina politika inkorporata fil‑qafas ta' sorveljanza ekonomika tal‑UE, liema qafas kien ġie rriformat f'dawn l‑aħħar snin.

L‑esperjenza ta' Malta tissuġġerixxi li parteċipazzjoni sħiħa fl‑Unjoni Ekonomika u Monetarja hija fattur li jippermetti t‑tkabbir ekonomiku. Madankollu, fil‑każ ta' Malta, in‑nuqqas ta' skossi finanzjarji u fiskali qawwija li kkaratterizzaw diversi pajjiżi oħrajn fiż‑żona tal‑euro, kif ukoll riformi strutturali bil‑għan li jtejbu l‑effiċjenza u r‑reżiljenza tal‑ekonomija għal skossi permezz tad‑diversifikazzjoni, kienu importanti wkoll.

Dan l‑avveniment kien it‑tielet minn serje ta' lekċers pubbliċi u workshops fil‑qasam tal‑ekonomija u l‑finanzi organizzati mill‑Bank sabiex ifakkar il‑ħamsin anniversarju tiegħu.

Preżentazzjoni mogħtija minn Ms Rita Schembri

Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-esperjenza ta’ Malta fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Lura lejn l-Arkivju