News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

25/06/2018

Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet għall-Kompetizzjoni għad-Disinn tal-Muniti

L‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta' Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca, ippresediet ċerimonja tal‑għoti ta' premjijiet ta' kompetizzjoni għad‑disinn tal‑muniti organizzata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta f'kollaborazzjoni mal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol u l‑Malta Community Chest Fund Foundation. Il‑kompetizzjoni, li ġiet imnedija fit‑13 ta' Novembru 2017, kienet miftuħa għall‑istudenti kollha tal‑iskejjel sekondarji u postsekondarji, u kif ukoll għall‑istudenti tal‑MCAST.

Il‑parteċipanti setgħu jissottomettu disinji għal tliet muniti kommemorattivi taż‑€2 li ser jinħarġu mill‑Bank. It‑temi li għalihom kellhom jiġu sottomessi d‑disinji huma l‑wirt kulturali, in‑natura u l‑ambjent, u l‑logħob.

Ġew ippreżentati total ta' 129 disinn li minnhom, panel ta' esperti għażlu tliet disinji, wieħed għal kull tema. Id‑disinn rebbieħ tat‑tema tal‑wirt kulturali ġie sottomess minn Nicole Dimech li tattendi s‑St Nicholas College, Middle School, tar‑Rabat. Joshua Stuart, li jattendi l‑Maria Regina College, Middle School, tan‑Naxxar issottometta d‑disinn rebbieħ tat‑tema tan‑natura u l‑ambjent; filwaqt li Ymen Riahi li tattendi s‑St Nicholas College, Middle School, tar‑Rabat issottomettiet id‑disinn rebbieħ tat‑tema tal‑logħob. It‑tliet studenti ngħataw tablet kull wieħed, filwaqt li l‑iskejjel li jattendu ngħataw premju ta' €1,000 fi flus.

Fil‑kummenti tagħha, il‑President qalet: "Nixtieq nirringrazzja lill‑Bank Ċentrali ta' Malta, u lill‑Gvernatur tal‑kollaborazzjoni mal-Malta Community Chest Fund Foundation, għal darb'oħra permezz tal-kompetizzjoni għad‑disinn tal‑muniti. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Ms Matilde Cordina u lil Ms Anna Maria Gilson għall‑koordinazzjoni ta' din l‑inizjattiva.

Din  l-inizjattiva mhux biss tagħmel enfasi fuq il-valur tas-solidarjetà u fuq il-fatt li noffru sapport biex ngħinu lil xulxin, iżda sservi wkoll bħala mezz biex nippromwovu l‑kreattività u biex ngħinu lit‑tfal jiżviluppaw il‑ħiliet artistiċi tagħhom. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill‑iskejjel u lill‑għalliema tas‑sehem tagħhom fis‑suċċess ta' din il‑kampanja, flimkien mal‑istudenti u t‑talenti tagħhom."

Din iċ‑ċerimonja tal‑għoti tal‑premjijiet tikkonkludi l‑kompetizzjonijiet għad‑disinji assoċjati mal‑programm dwar ħruġ ta' muniti b'temi soċjali bl‑isem 'Mit‑Tfal b'Solidarjetà', li ġie mniedi fl‑2015. Dan il‑programm jikkonsisti f'ħames muniti, li tnejn minnhom, 'Solidarjetà permezz tal‑Imħabba' u 'il‑Paċi', inħarġu fl‑2016 u fl‑2017 rispettivament. F'Novembru l‑Bank ser joħroġ munita bit‑tema 'Wirt Kulturali', filwaqt li l‑muniti 'Natura u Ambjent' u 'Logħob' ser jinħarġu fl‑2019 u fl‑2020 rispettivament.

Qligħ ta' €69,865 mill‑bejgħ tal‑coin cards bit‑tema tal‑Paċi maħruġa fl‑2017 taħt dan il‑programm ser imur b'risq il‑Malta Community Chest Fund Foundation.

Fl‑istess okkażjoni, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ppreżenta numru ta' muniti tad‑deheb u l‑fidda maħruġa mill‑Bank fl‑2017 u fl‑2018 lill‑President ta' Malta.

Muniti maħruġa taħt il‑programm 'Mit‑Tfal b'Solidarjetà' jistgħu jinxtraw mill‑eshop tal‑Malta Coin Centre. Għal aktar tagħrif il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet għall-Kompetizzjoni għad-Disinn tal-Muniti

Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet għall-Kompetizzjoni għad-Disinn tal-Muniti

Lura lejn l-Arkivju