News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

22/06/2018

Ħruġ ta’ sett ġdid ta’ muniti tal-euro datat 2018

Fil‑21 ta' Ġunju 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ sett ġdid ta' muniti tal‑euro datat 2018 f'verżjoni brilliant uncirculated. Is‑sett jinkludi t‑tmien muniti tal‑euro Maltin, kif ukoll munita taż‑€2 li turi t‑tempji preistoriċi tal‑Imnajdra. Din tal‑aħħar hija t‑tielet minn serje ta' seba' muniti ddedikati għal monumenti preistoriċi Maltin.

Is‑sett ġie mniedi uffiċjalment mill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Dr Mario Vella, fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra ġewwa l‑Qrendi. Matul dan l‑avveniment, li sar f'kollaborazzjoni ma' Heritage Malta, il‑mistednin ingħataw tour iggwidat tat‑tempji ta' Ħaġar Qim u l‑Imnajdra u ngħataw l-opportunità li jaraw esperjenza awdjoviżiva maħsuba sabiex tgħinhom jifhmu aħjar l‑importanza tat‑tempji Neolitiċi.

It‑Tempji tal‑Imnajdra ġewwa l‑Qrendi, Malta, jinsabu qrib ħafna tat‑tempji ta' Ħaġar Qim. Is‑sit tal‑Imnajdra jmur lura għas‑snin 3,600‑3,200 QK, u huwa wieħed mill‑eqdem monumenti free‑standing fid‑dinja. Is‑sit ġie skavat għall-ewwel darba fl‑1840 u hu magħruf l‑aktar għall‑allinjamenti astronomiċi tiegħu. It‑Tempji tal‑Imnajdra huma ddikjarati wkoll bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Il‑muniti kollha fis‑sett huma ta' kwalità brilliant uncirculated, u kienu maħduma fil‑Monnaie de Paris fi Franza. In‑naħat nazzjonali tal‑muniti tal‑euro u tal‑munita kommemorattiva taż‑€2 ġew iddisinjati minn Noel Galea Bason. Is‑settijiet, li l‑istampar tagħhom se jkun limitat għal 15,000 sett, ser jiġu ppreżentati fi blister‑packs attraenti u llustrati.

Is‑settijiet jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC), li jista' jiġi aċċessat mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Is‑settijiet jistgħu jinxtraw ukoll mill‑MCC fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta. Is‑sett ser jinbiegħ għall‑prezz ta' €26.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Ħruġ ta’ sett ġdid ta’ muniti tal-euro datat 2018

Lura lejn l-Arkivju