News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

16/05/2018

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jwieġeb rigward Pilatus Bank plc

Qiegħda ssir referenza għall‑artiklu tas‑16 ta' Mejju 2018 li deher fuq is‑sit elettroniku tat‑Times of Malta bl‑isem "Pilatus creditors being paid via Central Bank" u għat‑tweet tal‑Onor. Membru Parlamentari Dr Jason Azzopardi murija fl‑istess artiklu.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq jikkjarifika li, b'konformità mal‑funzjoni bażika tiegħu li jaġixxi bħala bankier għall‑banek, l‑istituzzjonijiet kollha ta' kreditu li huma liċenzjati mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), inkluż dak imsemmi f'dan l‑artiklu, huma obbligati bil‑liġi li jkollhom kont ta' depożitu ta' riżerva mal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

B'referenza għall‑istituzzjoni speċifika ta' kreditu msemmija f'dan l‑artiklu, wara l‑ħatra ta' persuna kompetenti mill‑MFSA fit‑22 ta' Marzu 2018 f'termini tal‑Artikolu 29(1)(ċ) tal‑Att dwar il‑Kummerċ Bankarju u tal‑Artikolu 15A(1)(b) u (ċ) tal‑Att dwar Servizzi ta' Investment, u wara konsultazzjoni mal‑MFSA, kull tranżazzjoni li ssir mill‑imsemmija istituzzjoni ta' kreditu permezz tal‑kont tagħha miżmum mal‑Bank Ċentrali ta' Malta qed issir bl‑approvazzjoni espliċita ta' din il‑persuna kompetenti. Dan hu konformi mal‑miżuri amministrattivi implimentati mill‑MFSA, u għalhekk ma kien hemm l‑ebda miżura ġdida meħuda mill‑Bank Ċentrali ta' Malta li kellha tiġi kkomunikata lill‑pubbliku. Tranżazzjonijiet bħal dawn minn din l‑istituzzjoni ta' kreditu, bħat‑tranżazzjonijiet kollha mill‑istituzzjonijiet liċenzjati kollha ta' kreditu, isiru mill‑impjegati tal‑Payments and Banking Department tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jiċħad kategorikament li l‑Uffiċċju tal‑Prim Ministru eżerċita kwalunkwe tip ta' pressjoni fuq il‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar kwalunkwe kwistjoni.

Lura lejn l-Arkivju