News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

15/05/2018

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2018, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul ir‑raba' trimestru tal‑2017.

Ir‑rivista tippreżenta wkoll ir‑riżultati ewlenin mill‑Istħarriġ dwar l‑Aċċess tal‑Impriżi għall‑Fondi (SAFE) fl‑2017 u kif ukoll l‑istima ta' multipliers fiskali bl‑użu ta' verżjoni estiża tal‑mudell MEDSEA tal‑Bank. Din l‑edizzjoni tinkludi wkoll artiklu dwar l‑inugwaljanza f'Malta bl‑użu tal‑Istħarriġ dwar l‑Introjtu u l‑Kundizzjonijiet tal‑Għajxien (SILC), u diskors mill‑Professur Charles Goodhart dwar il‑politika tal‑banek ċentrali f'dawn l‑aħħar snin.

L‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'ritmu b'saħħtu matul l‑aħħar trimestru tal‑2017, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'4.3% fuq bażi annwali, rata ħafna iktar mgħaġġla minn dik irreġistrata fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. It‑tkabbir ekonomiku kien totalment xprunat mill‑esportazzjoni netta. Min‑naħa l‑oħra kien hemm tnaqqis fid‑domanda domestika. Kontribuzzjonijiet negattivi mill‑konsum tal‑gvern u t‑tibdil fl‑inventarji kienu aktar qawwija mit‑tkabbir fil‑konsum privat.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, b'żidiet qawwija fl‑impjiegi u aktar tnaqqis fil‑qgħad. Skont il‑Labour Force Survey (LFS), ir‑rata tal‑qgħad niżlet għall‑iktar livell baxx ta' 3.7% fl‑aħħar trimestru tal‑2017.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), kienet 1.3% f'Diċembru, marġinalment ogħla mir‑rata rreġistrata tliet xhur qabel. L‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP baqgħet ftit inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro, li għalqet is‑sena fil‑livell ta' 1.4%.

L‑aggregati monetarji f'Malta komplew jikbru matul ir‑raba' trimestru tal‑2017. Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta żdiedu b'ritmu b'saħħtu fuq sena qabel, xprunati mid‑depożiti overnight. Il‑kreditu lil residenti f'Malta mmodera matul it‑trimestru ta' Diċembru, prinċipalment minħabba tkabbir inqas mgħaġġel fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali, u minħabba tnaqqis ftit iktar mgħaġġel fis‑self lill‑kumpaniji mhux finanzjarji. Min‑naħa l‑oħra s‑self lill‑individwi żamm ritmu b'saħħtu ta' tkabbir, mingħajr ebda bidla minn dak irreġistrat f'Settembru.

Matul it‑trimestru ta' Diċembru, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali żdied b'mod sinifikanti f'termini annwali, hekk kif id‑dħul tal‑gvern żdied b'rata aktar mgħaġġla mill‑infiq tal‑gvern. Meta mkejjel abbażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ pożittiv ta' 3.9% tal‑PDG, ogħla mir‑rata ta' 3.3% rreġistrata fit‑trimestru ta' Settembru. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG kompla jonqos għal‑livell ta' 50.8% fl‑aħħar tas‑sena, tnaqqis minn 53.4% fl‑aħħar ta' Settembru.

Ir‑rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul l‑aħħar trimestru tal‑2017, il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja fil‑kuntest ta' żieda mrażżna fil‑prezzijiet. Ir‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE baqgħu l‑istess, filwaqt li kompla jixtri assi taħt il‑programm ta' xiri ta' assi (APP). Ir‑rata ta' kull xahar tax‑xiri ta' assi tnaqqset għal €30 biljun minn Jannar 2018 sal‑aħħar ta' Settembru 2018. Madankollu l‑BĊE jista' jżid l‑APP f'termini ta' daqs u/jew tul ta' żmien jekk il‑prospetti jsiru inqas favorevoli, jew jekk il‑kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti mal‑aġġustament mixtieq fid‑direzzjoni tal‑inflazzjoni.

It‑tieni ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għall‑2018 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju