News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

02/03/2018

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jospita l-Programm “Economics For Success” ta’ JAYE Malta

Il‑Programm tal‑European Money Week ta' din is‑sena, ikkoordinat mill‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin (MBA), inkluda avveniment innovattiv bl‑isem 'Economics For Success'. Din l‑attività, ibbażata fuq il‑programm tal-Junior Achievement Young Enterprise Malta (JAYE Malta), tmexxiet mill‑MBA f'kollaborazzjoni ma' JAYE Malta, ġiet sponsorjata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta u saret ġewwa ċ‑Ċentru l‑ġdid tiegħu tal‑Konferenzi f'Binja Laparelli. Madwar ħamsin student u studenta tad-disa' u l-għaxar sena li għandhom bejn tlettax u erbatax‑il sena ħadu sehem f'dan l‑avveniment ta' nofstanhar, bl‑għan li jżidu l‑għarfien finanzjarju tagħhom u jtejbu l-ħiliet intraprenditorjali u għall‑impjieg.

Il‑programm ikopri tliet taqsimiet li jieħdu lill‑istudenti fi vjaġġ li, b'mod divertenti u interattiv, ikopri d‑dinja tax‑xogħol, l‑iffissar ta' miri finanzjarji, u l‑ibbaġitjar personali. Matul l‑ewwel taqsima "Mirror, Mirror", l‑istudenti jesploraw gruppi ta' karrieri u xogħlijiet differenti li huma disponibbli għalihom fid‑dinja tax‑xogħol. Fit‑tieni taqsima "Be a Success", l‑istudenti jinteraġixxu ma' fatturi li jippermettulhom li jkunu ta' suċċess, bħall‑iffissar ta' miri għall‑futur finanzjarju tagħhom u l‑għarfien tagħhom tar‑rabta bejn l‑edukazzjoni tagħhom illum, il‑karrieri futuri tagħhom u l‑finanzi personali tagħhom hekk kif jieħdu deċiżjonijiet rigward karriera jew edukazzjoni. L‑aħħar taqsima "Keeping your Balance" toffri lill‑istudenti l‑opportunità li jevalwaw kif l‑aħjar jibbaġittjaw għan‑neċessitajiet u t‑tfaddil, ibbażat fuq salarju kkalkulat mill‑għażliet li jkunu għamlu fit‑taqsima ta' qabel. L‑istudenti jistgħu jilagħbu  l-logħba interattiva "Plan Your Future" online, fejn l‑istudenti joħolqu karattu li jieħu numru ta' deċiżjonijiet, jgħinhom isibu xogħol, u mbagħad jeħtieġ li jimmaniġġjaw l‑ispejjeż u l‑finanzi tagħhom. Din il‑logħba tista' tintlagħab id‑dar.

L‑attività saret minn voluntiera affiljati mal‑MBA li pprovdew esperjenza siewja lill‑istudenti permezz tal‑għarfien espert tagħhom fl‑industrija. L‑inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna mill‑istudenti, u l-inklużjoni tagħha fil‑programm ta' attivitajiet organizzati mill‑MBA għal din ir‑raba' edizzjoni annwali tal‑European Money Week kienet ta' suċċess.

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jospita l-Programm “Economics For Success” ta’ JAYE Malta

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jospita l-Programm “Economics For Success” ta’ JAYE Malta

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jospita l-Programm “Economics For Success” ta’ JAYE Malta

Lura lejn l-Arkivju