News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

06/02/2018

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – l-Ewwel Ħarġa tal-2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2018, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tielet trimestru tal‑2017.

Ir‑rivista tippreżenta wkoll stħarriġ dwar l‑investiment fin‑negozju u l‑finanzjament tal‑investiment f'Malta. Artikli oħrajn janalizzaw l‑impatt makroekonomiku tar‑riformi strutturali fis‑settur tal‑enerġija, kif ukoll żviluppi fis‑settur tal‑manifattura.

L‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'ritmu b'saħħtu matul it‑tielet trimestru tal‑2017, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'7.2% fuq bażi annwali, kważi t‑triplu tar‑rata rreġistrata fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. It‑tkabbir ekonomiku kien xprunat kemm mid‑domanda domestika kif ukoll mill‑esportazzjoni netta.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bl‑impjiegi jkomplu jiżdiedu u r‑rata tal‑qgħad tinżel għall‑iktar livell baxx ta' 4.0%.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), kienet 1.2% f'Settembru, ftit ogħla mir‑rata ta' 1.0% rreġistrata tliet xhur qabel. L‑inflazzjoni mkejla skont l-HICP baqgħet inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro, li kienet 1.5% f'Settembru.

L‑aggregati monetarji f'Malta komplew jikbru b'ritmu tajjeb matul it‑tielet trimestru tal‑2017. Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu b'ritmu b'saħħtu fuq bażi annwali, dovut għad-depożiti overnight. Il‑kreditu lil residenti f'Malta aċċellera, sostnut l‑aktar minn tkabbir aktar mgħaġġel fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali u self lill‑individwi u tnaqqis iżgħar fis‑self lill‑kumpaniji mhux finanzjarji.

Matul it‑trimestru analizzat, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali żdied b'mod sinifikanti f'termini annwali, hekk kif iż‑żieda fid‑dħul kienet iktar b'saħħitha minn dik fl‑infiq. Meta mkejjel abbażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ pożittiv ta' 3.3% tal‑PDG, ogħla mit‑2.1% fit‑trimestru ta' qabel. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali, bħala sehem tal‑PDG, naqas għal 54.9% fl‑aħħar ta' Settembru, minn 56.6% fl‑aħħar ta' Ġunju.

Ir‑rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑tielet trimestru, il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja, filwaqt li ħalla r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE l‑istess u wiegħed li ser iżomm dawn ir‑rati fil‑livelli preżenti għal perjodu estiż. Barra minn hekk, il‑Kunsill kellu l‑intenzjoni li jkompli l‑programm tiegħu ta' xiri ta' assi (APP) tal‑inqas sal‑aħħar ta' Diċembru 2017. Il‑Kunsill ikkonferma wkoll li dan ix‑xiri nett ser isir flimkien ma' investiment mill‑ġdid tal‑pagamenti prinċipali minn titoli li kienu nxtraw taħt l‑APP u li jkunu qed jimmaturaw.

Wara d‑data tal‑għeluq tar‑rivista ta' kull tliet xhur, il‑Kunsill Governattiv iddeċieda li jnaqqas ir‑rata li biha jitmexxa x‑xiri nett ta' assi minn €60 biljun fix-xahar għal €30 biljun fix-xahar, b'effett minn Jannar 2018. Dan ix‑xiri ser ikompli sal‑aħħar ta' Settembru 2018, jew lil hinn, jekk ikun meħtieġ. Il‑Kunsill żied li hu lest li jżid l‑APP f'termini ta' daqs u/jew tul ta' żmien jekk il‑prospetti jsiru inqas favorevoli, jew jekk il‑kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti b'aktar progress lejn aġġustament sostnut fid‑direzzjoni tal‑inflazzjoni.

L‑ewwel ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għall‑2018 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. 

Lura lejn l-Arkivju