News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

05/01/2018

Programm għall-2018 dwar ħruġ ta’ muniti mill-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qiegħed iniedi l‑programm tiegħu għall‑2018 dwar ħruġ ta' muniti numiżmatiċi li jinkludi dawn il‑prodotti li ġejjin:

  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Star Programme, li fl‑2018 ser ikollu t‑tema 'Barokk'. Il‑muniti Maltin ser juru 'Il‑Magħmudija ta' Kristu', skultura tal‑irħam maħduma minn Giuseppe Mazzuoli (1641‑1725). Dan ix‑xogħol massiv ta' arti li huwa wieħed mill‑aktar xogħlijiet prominenti tal‑Barokk f'Malta, jinsab fil‑Kon‑Katidral ta' San Ġwann. Dawn il‑muniti huma mistennija li joħorġu f'Marzu 2018.
  • Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar il‑ħamsin anniversarju tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑munita hi mistennija li toħroġ f'April 2018.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb li tfakkar il‑ħamsin anniversarju tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Din il‑munita ser tkun edizzjoni speċjali u l‑istampar tagħha ser ikun limitat għal 50 munita biss. Il‑munita hi mistennija li toħroġ f'April 2018.
  • Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar it-titlu tal‑Belt Valletta bħala l‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura 2018. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Mejju 2018.
  • Sett ta' muniti tal‑euro datat 2018 li jikkonsisti fit‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni, flimkien ma' munita kommemorattiva taż‑€2 li hija t‑tielet minn serje ta' seba' muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO. Dan is‑sett hu mistenni li joħroġ f'Ġunju 2018.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑tempji tal‑Imnajdra. Din il‑munita ser tkun it‑tielet minn serje ta' seba' muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Lulju 2018.
  • Blister‑pack iddisinjat b'mod speċjali li jfakkar it‑titlu tal‑Belt Valletta bħala l‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura 2018. Dan is‑sett, li jikkomplimenta s‑settijiet li ħarġu fl‑2016 u fl‑2017, jinkludi t‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni. Din l‑edizzjoni speċjali tas‑sett ser tkun limitata għal 2,000 sett biss u hi mistennija li toħroġ f'Ottubru 2018.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi d‑disinn rebbieħ ta' kompetizzjoni li ser tkun miftuħa għall‑istudenti kollha tal‑iskejjel sekondarji, bit‑tema għall‑2018 tkun 'Il‑Wirt Kulturali'. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Novembru 2018.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. Il‑programm dwar ħruġ ta' muniti jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku tal‑Bank.

Lura lejn l-Arkivju