News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

14/11/2017

‘Mit-tfal b’Solidarjetà’ – Ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għall-Kompetizzjoni għad-Disinn tal-Munita

L‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta' Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca, mexxiet ċerimonja tal‑għoti ta' premjijiet ta' kompetizzjoni organizzata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta b'kollaborazzjoni mal‑Malta Community Chest Fund Foundation. Iċ‑ċerimonja timmarka t‑tieni disinn ta' programm dwar ħruġ ta' muniti b'temi soċjali għall‑istudenti tal‑iskejjel sekondarji bit‑tema: 'il‑Paċi'. Id‑disinn rebbieħ hu rrappreżentat fuq munita kommemorattiva taż‑€2 li ser tinħareġ mill‑Bank Ċentrali ta' Malta f'coin cards u stoċċijiet tal‑munita kommemorattiva. Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur għall‑Malta Community Chest Fund Foundation.

Ġew ippreżentati total ta' 37 disinn għal din il‑kompetizzjoni, li kienet ikkoordinata wkoll mill‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol. Id‑disinn rebbieħ għal din is‑sena kien sottomess minn tifla ta' tnax il‑sena Katya Muscat li tattendi l‑Iskola Sekondarja tal‑Konservatorju tal‑Isqof f'Għawdex. Id‑disinn juri żewġt itfal żgħar iżommu l‑bandiera Maltija bil‑ħamiema tal‑paċi ttir fuqhom. Il‑munita ġiet imnaqqxa minn Noel Galea Bason li addatta d‑disinn għall‑istampar tal‑muniti filwaqt li baqa' leali lejn il‑kwalitajiet tax‑xogħol artistiku li sar minn id żgħira.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta Mario Vella qal li l-Bank huwa kburi ħafna bl-irwol tiegħu f'din l-inizjattiva u wiegħed li jkompli bl-isforzi tiegħu biex il-Bank ikun viċin iż-żgħażagħ bil-għan li jħeġġeġ is-sens tagħhom ta' solidarjetà u responsabbiltà soċjali.

Il-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li, "it-tema tal-paċi hija tassew opportuna biex nifhmu kemm fil-verità rridu naħdmu għall-paċi, kuljum, anke f'pajjiżna, għaliex il-paċi mhijiex biss l-assenza tal-gwerra jew tal-konflitt. Il-Paċi trid toħroġ mill-qalb ta' kull wieħed u waħda minna billi nifhmu u nagħrfu li kull wieħed u waħda minna jixraqlu r-rispett u d-dinjità. Nifraħ lil Katya li ħarġet b'dan il-kunċett u li ġie trażmess permezz ta' Noel Galea Bason. Irrid nifraħ ukoll lill-Bank Ċentrali ta' Malta, għax b'dan il-mod qiegħed jgħin lil dawk fostna li huma vulnerabbli, u li jirrikorru għall-assistenza tal-Malta Community Chest Fund Foundation". 

Prize-giving Ceremony

Prize-giving Ceremony

Lura lejn l-Arkivju