News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2017
13/11/2017
Kompetizzjoni Għat-Tfal Għad-Disinn tal-Muniti 2018-2020 - Mit-Tfal b’Solidarjetà/From Children with Solidarity
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, f'kollaborazzjoni mal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol u l‑Uffiċċju tal‑Eċċellenza tagħha, il‑President ta' Malta, f'isem il‑Malta Community Chest Fund Foundation, qed iniedi kompetizzjoni għad‑disinn tal‑muniti għall‑istudenti tal‑iskejjel kollha sekondarji, postsekondarji u tal‑MCAST.
Il‑kompetizzjoni tinvolvi s‑sottomissjoni ta' disinji artistiċi għal tliet muniti kommemorattivi taż‑€2 li ser joħorġu taħt il‑programm bit‑tema 'Mit‑Tfal b'Solidarjetà'. Il‑programm dwar ħruġ ta' muniti jikkonsisti minn serje ta' ħames muniti, bl‑ewwel tema 'l‑Imħabba' li ħarġet fl‑2016, u t‑tieni tema, 'il‑Paċi', li ser toħroġ fit‑13 ta' Novembru 2017.
It‑tliet muniti ser ikollhom dawn it‑temi:
2018 ‑ Patrimonju Kulturali
2019 ‑ Natura/Ambjent
2020 ‑ Logħob
Il‑parteċipanti, li jrid ikollhom inqas minn tmintax‑il sena, jistgħu jissottomettu aktar minn disinn wieħed għal kwalunkwe tema.
Panel ta' esperti ser jirrevedi d‑disinji sottomessi u ser jagħżel it‑tliet disinji rebbieħa għan‑naħat nazzjonali tal‑muniti. Kull rebbieħ ser jingħata premju għad‑disinn. Ser jingħata wkoll premju lill‑iskola li tkun issottomettiet l‑applikazzjoni tal‑istudent/a rebbieħ/a. L‑istudenti ser ikunu wkoll rikonoxxuti bħala d‑disinjaturi tal‑muniti fuq il‑letteratura relattiva kollha.
Disinji fil‑forma diġitali għandhom jintbagħtu lil Ms Anna‑Maria Gilson b'email jew lis‑Sur Joseph Esposito b'email. Il‑parteċipanti interessati jistgħu jaċċessaw ir‑regolamenti u l‑formola ta' applikazzjoni mis‑sit elettroniku tal‑Bank.
Disinji fil‑forma stampata għandhom jintbagħtu fl‑indirizz:
Projects & Initiatives Section
Attn: Ms Anna Maria Gilson
Coin Design Competition
National School Support Services
Triq Fra Gaetano Pace Forno
Ħamrun HMR 1100
Id‑data tal‑għeluq għas‑sottomissjonijiet hija l‑Ħamis 14 ta' Diċembru 2017.
Lura lejn l-Arkivju