News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

13/11/2017

Il-Paċi – Muniti Kommemorattivi taż-€2 maħruġin taħt il-programm ‘Mit-tfal b’Solidarjetà’

Fit‑13 ta' Novembru 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ it‑tieni munita kommemorattiva taż‑€2 taħt il‑programm 'Mit‑tfal b'Solidarjetà'. It‑tema għall‑munita ta' din is‑sena ser tkun 'il‑Paċi' u ssegwi l‑munita li ħarġet fl‑2016 bit‑tema 'Solidarjetà permezz tal‑Imħabba'.

Il‑programm dwar ħruġ ta' muniti 'Mit‑tfal b'Solidarjetà' hu inizjattiva bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol, u l‑Malta Community Chest Fund Foundation. Imniedi b'mod uffiċjali fil‑5 ta' Ġunju 2015 mill‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta' Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca u l‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, dan il‑programm b'temi soċjali kien jinvolvi kompetizzjoni għad‑disinn tal‑munita li kienet miftuħa għall‑istudenti kollha tal‑iskejjel sekondarji. Id‑disinn rebbieħ għal din is‑sena kien sottomess minn tifla ta' tnax‑il sena Katya Muscat li tattendi l‑Iskola Sekondarja tal‑Konservatorju tal‑Isqof f'Għawdex. Id‑disinn juri żewġt itfal żgħar iżommu l‑bandiera Maltija bil‑ħamiema tal‑paċi ttir fuqhom. Il‑munita ġiet imnaqqxa minn Noel Galea Bason li addatta d‑disinn għall‑istampar tal‑muniti filwaqt li baqa' leali lejn il‑kwalitajiet tax‑xogħol artistiku li sar minn id żgħira.

Dawn il‑muniti kommemorattivi ser joħorġu f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll f'coin cards. Il‑muniti fil‑cards, li minnhom ser isiru biss 30,000, ser juru marka taz‑zekka tal‑Monnaie de Paris, fejn inħadmu l‑muniti. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7. Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur b'risq il‑Malta Community Chest Fund Foundation.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

€2 commemorative coin card - Peace

Lura lejn l-Arkivju