News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

09/11/2017

L-aħħar ċans biex issarraf il-karti tal-flus Maltin tal-Ħames Serje

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq javża lill‑pubbliku li f'termini ta' Artiklu 62(1) tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204), il‑karti tal‑flus tal‑Ħames Serje, li ma baqgħux valuta legali wara l‑31 ta' Jannar 2008 wara li Malta adottat l‑euro, mhux ser jibqgħu jissarrfu wara n‑12:30 tal‑31 ta' Jannar 2018.

Il‑karti tal‑flus tal‑Ħames Serje jikkonsistu f'erba' denominazzjonijiet: Lm2, Lm5, Lm10 u Lm20. Dawn il‑karti tal‑flus ħarġu l‑ewwel darba fiċ‑ċirkolazzjoni fit‑18 ta' Settembru 1989. L-erba' karti tal-flus huma ta' lewn aħmar (Lm2), ikħal (Lm5), aħdar (Lm10) u kannella (Lm20). Dawn kollha għandhom in-naħa ta' quddiem komuni fejn tidher xbieha ta' mara, li tissimbolizza lil Malta, bi tmun f'idejha.

Dawn il‑karti tal‑flus jistgħu jissarrfu biss mill‑Bank Ċentrali ta' Malta san‑12:30 tal‑31 ta' Jannar 2018. Wara din id‑data, dawn il‑karti tal‑flus ma jkollhomx valur.

Membri tal‑pubbliku li jixtiequ jsarrfu karti tal‑flus Maltin tal‑Ħames Serje għandhom imorru l‑Bank Ċentrali ta' Malta, Binja Ġlormu Cassar, St James's Counterguard, il‑Belt Valletta (b'aċċess mill‑venda tal‑karozzi tal‑linja tal‑Belt jew minn Triq Ġirolamo Cassar) mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa bejn id‑9.30 u n‑12:30, minbarra fil-festi bankarji u pubbliċi. Kull min isarraf il‑flus Maltin ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta jrid jippreżenta l‑karta tal‑identità.

Dawk kollha li ser isarrfu flus Maltin b'valur li jaqbeż il‑Lm200 jridu jippreżentaw n‑numru tal‑IBAN tagħhom (jinkiseb mill‑bank tagħhom). F'dawn il‑każijiet, il‑ħlas isir direttament fil‑kont bankarju tagħhom.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq jinforma lill‑pubbliku li fil‑jiem li ġejjin ser iqassam fid‑djar kollha fuljett informattiv dwar ir‑rekwiżiti għat‑tisrif tal‑karti tal‑flus Maltin.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Bank billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 3520/1 bejn it‑8:00 u l‑16:00.

L-aħħar ċans biex issarraf il-karti tal-flus Maltin tal-Ħames Serje

Lura lejn l-Arkivju