News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

08/11/2017

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – ir-Raba’ Ħarġa tal-2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑raba' ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2017, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2017.

Ir‑rivista tinkludi wkoll artiklu dwar il‑finanzjament tal‑kumpaniji f'Malta, kif ukoll studju dwar ir‑relazzjoni bejn il‑kreditu u l‑attività ekonomika. Artiklu ieħor janalizza l‑korrelazzjoni bejn yields fuq bonds tal‑gvern Malti u dawk taż‑żona tal‑euro.

L‑attività ekonomika f'Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2017 baqgħet b'saħħitha, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'6.4% fuq bażi annwali, aktar mit‑triplu tar‑rata rreġistrata għaż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. It‑tkabbir seħħ minħabba l‑esportazzjoni netta, hekk kif id‑domanda domestika naqset f'termini annwali, l‑aktar minħabba tnaqqis fl‑investiment, li kien għoli b'mod eċċezzjonali sena qabel.

Is‑suq tax‑xogħol baqa' favorevoli, bl‑impjiegi jkomplu jiżdiedu u l‑qgħad jilħaq l‑iktar livell baxx ta' 4.1%.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), battiet matul il‑perjodu kopert u naqset għal 1.0% f'Ġunju, minn 1.2% tliet xhur qabel. L‑inflazzjoni HICP baqgħet inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro, li kienet 1.3% f'Ġunju.

Id‑dinamika monetarja baqgħet b'saħħitha matul it‑tieni trimestru tal‑2017. Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu b'mod stabbli f'termini annwali, filwaqt li ppersista ċ‑ċaqliq lejn id‑depożiti overnight. Fl‑istess waqt, il‑kreditu lil residenti f'Malta batta, l‑aktar minħabba żviluppi fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali u s‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fit‑tieni trimestru tal‑2017, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel, hekk kif l‑infiq żdied b'ritmu aktar mgħaġġel mid‑dħul. Meta mkejjel abbażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ pożittiv ta' 2.0% tal‑PDG, tnaqqis żgħir mit‑2.3% rreġistrati fit‑trimestru ta' qabel. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali, bħala sehem tal‑PDG, kien fil‑livell ta' 56.8% fl‑aħħar ta' Ġunju 2017.

Ir‑rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑trimestru kopert, il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Il‑Kunsill ikkonferma li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE ser jibqgħu f'livelli baxxi għal perjodu estiż ta' żmien u li l‑programm tiegħu ta' xiri ta' assi (APP) hu mistenni li jkompli tal‑inqas sal‑aħħar ta' Diċembru 2017. Il‑Kunsill Governattiv reġa' fakkar li x‑xiri nett ser isir flimkien ma' investiment mill‑ġdid tal‑pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw u li kienu mixtrija taħt il‑programm.

Wara d‑data tal‑għeluq tar‑rivista ta' kull tliet xhur, il‑Kunsill Governattiv ħabbar li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE ser jibqgħu fil‑livell kurrenti tagħhom għal perjodu estiż ta' żmien u ferm aktar mill‑perjodu ta' xiri nett ta' assi. Il‑Kunsill iddeċieda wkoll li, minn Jannar 2018, ix‑xiri taħt l‑APP ser isir b'rata ta' kull xahar ta' €30 biljun. Ix‑xiri taħt l‑APP ser ikompli tal‑inqas sal‑aħħar ta' Settembru 2018, għalkemm il‑Kunsill jinsab lest li jżid l‑APP f'termini ta' daqs u/jew tul ta' żmien, jekk ikun meħtieġ. Il‑Kunsill iddikjara wkoll li l‑investiment mill‑ġdid ta' pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw ser ikompli għal perjodu estiż ta' żmien wara l‑għeluq ta' xiri nett ta' assi, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ.

 Ir‑raba' ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għall‑2017 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju