News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

01/11/2017

Konferenza organizzata mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali ta’ Malta: Investment and Investment Finance – the Case of Malta

Bħala parti minn serje ta' avvenimenti organizzati sabiex jiġu diskussi x‑xejriet kurrenti fl‑investiment fi Stati Membri differenti tal‑UE, il‑Bank Ewropew tal‑Investiment (BEI) u l‑Bank Ċentrali ta' Malta organizzaw konferenza ġewwa l‑Belt Valletta bl‑isem "Investment and Investment Finance: The case of Malta".

Il‑Ministru għall‑Finanzi, Edward Scicluna, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Mario Vella, u l‑Viċi‑President tal‑BEI Dario Scannapieco, tkellmu waqt l-avveniment li involva wkoll il‑parteċipazzjoni ta' ekonomisti, policymakers u rappreżentanti minn istituzzjonijiet finanzjarji u mill‑komunità tan-negozju.

Waqt l‑avveniment, Debora Revoltella, Director Economics Department mill-BEI, ippreżentat ir‑riżultati l‑ġodda tal‑EIB Investment Survey (EIBIS) annwali għall‑2017 li, flimkien mal‑EIB Investment Report, jagħti ħarsa ġenerali lejn id‑dinamika ċiklika u strutturali wara l‑investiment u l‑finanzjament tal‑investiment fl‑Ewropa. Dan jiffaċilita għarfien fil‑fond tas‑sitwazzjoni tal‑investiment f'kull ekonomija fl‑UE.

L-istudji l-ġodda tal-BEI jiżvelaw li investiment korporattiv b'saħħtu fl-UE qed ikun immexxi minn tħassib dwar il‑kwalità u l-kompetittività tal-kapital. Fl-istess waqt, l‑investiment fl‑infrastruttura pubblika hu ħafna iktar baxx mix‑xejriet fit‑tul, primarjament riżultat ta' għażliet tal‑politika fiskali f'ħafna pajjiżi. Dan ser jindika bżonn ta' investiment akbar fl‑innovazzjoni u fil‑kapital intanġibbli, b'mod partikolari fill‑ħiliet, u ffukar mill‑ġdid tal-prijoritajiet pubbliċi lejn investiment fl‑infrastruttura sabiex jintlaħqu bżonnijiet strutturali fit‑tul.

Ibbażat fuq intervisti li saru ma' 12,500 kumpanija mifruxin madwar l‑Istati Membri kollha tal‑UE, l‑EIBIS jipprovdi informazzjoni siewja għal kull pajjiż li mhix disponibbli permezz ta' statistika bbażata fuq il‑kwantità, bħal dettalji dwar pjanijiet għall‑investiment, nuqqasijiet ipperċepiti, il‑kwalità tal‑istokk kapitali, in‑natura tal‑investiment, il‑kundizzjonijet għall‑finanzjament u l‑kwistjonijiet li jimpedixxu l‑investiment. Il‑mistoqsijiet huma l‑istess għall‑kumpaniji kollha u jirrelataw mal‑karatteristiċi u l‑andament tal‑kumpaniji, attivitajiet ta' investiment fil‑passat u pjanijiet għall‑futur, sorsi ta' finanzjament, u l‑isfidi li jaffaċċjaw in‑negozji. Ir‑riżultati huma analizzati fid‑dettall fl‑EIB Investment Report.

Malta mil‑lenti talEIB Investment Survey

F'Malta, l‑istħarriġ ikopri 178 kumpanija u t‑tieni rawnd tiegħu jikkonferma b'mod ġenerali r‑riżultati tal‑ewwel wieħed: l‑aċċess għal finanzjament estern mhuwiex preokkupazzjoni ewlenija għall‑kumpaniji Maltin u huwa probabbli li ma jkunx fattur li jillimita l‑investiment għall‑biċċa l‑kbira tal‑kumpaniji fil‑pajjiż. Fil‑fatt, jista' jingħad li madwar 6% tal‑kumpaniji huma "ristretti fl‑iffinanzjar", rata kemxejn taħt il‑medja tal‑UE.

84% tal‑kumpaniji f'Malta investew fl‑aħħar sena finanzjarja, rata li taqbel ukoll mal‑medja tal‑UE, u hi ogħla mir‑riżultat li kellha Malta s‑sena l‑oħra (78%). L‑intensità fl‑investiment (investiment għal kull impjegat) żdiedet ukoll u dawn il‑prospetti pożitivi huma mistennija li jkomplu b'mod ġenerali. Madankollu, hemm sinjali ta' tnaqqis, b'kumpaniji fis‑settur tas‑servizzi u kumpaniji akbar fuq il‑bilanċ jistennew li l‑investiment fl‑2017 ser ikun iktar baxx minn dak fl‑2016. Bl‑istess mod, 8% biss tal‑kumpaniji f'Malta rrapportaw li investew ftit wisq matul l‑aħħar tliet snin. Id‑"differenza fl‑investiment" irrappurtata f'Malta hija l‑iktar waħda baxxa fl‑UE.

Fir‑rigward tal‑istimoli fit‑tul għall‑investiment, nuqqas ta' impjegati bil‑ħiliet xierqa jkompli jkun l‑aktar ostaklu kkwotat u pperċepit għall‑investiment (minn 94% tal-kumpaniji, bi 78% jikkonsidrawh bħala ostaklu ewlieni - l‑ogħla rata fl‑UE). L‑investiment pubbliku fit‑trasport ukoll kien prijorità notevoli għal kumpaniji f'Malta.

Għall‑futur, investiment akbar fil‑ħiliet u fl‑innovazzjoni, inkluż l‑adozzjoni tal‑innovazzjonijiet, ikun importanti għall‑ekonomija Maltija, speċjalment minħabba li l‑produttività tal‑kumpaniji hija iktar baxxa mil‑livelli standard tal‑UE. Is‑settur tal‑infrastruttura għandu proporzjon relattivament għoli ta' kumpaniji fil‑klassi tal‑produttività ogħla, filwaqt li s‑settur tal‑kostruzzjoni għandu proporzjon għoli ta' kumpaniji fil‑klassi tal‑produttività l‑iktar baxxa.

Fir‑rimarki tiegħu tal‑għeluq, il‑Viċi‑President tal‑BEI Dario Scannapieco enfasizza "l‑impatt pożittiv tal‑attività tal‑BEI fuq l‑ekonomija Maltija, li jikkontribwixxi għal irkupru sostenibbli billi jħeġġeġ investimenti, kompetittività u ħolqien tax‑xogħol. Sa minn meta l‑BEI beda l‑attività tiegħu f'Malta, il‑bank tal‑UE kkontribwixxa għal finanzjament ta' firxa wiesgħa ta' proġetti, inklużi f'setturi importanti bħat‑telekomunikazzjoni, l‑edukazzjoni, is‑saħħa u l‑enerġija. B'hekk jiġi ffaċilitat l‑aċċess għal kreditu b'kundizzjonijiet favorevoli. Ninsab kunfidenti li dan l‑istħarriġ tal‑BEI ser jagħti kontribut billi jipprovdi informazzjoni siewja u utli ħafna sabiex tkompli l-kontribuzzjoni tagħna li nsostnu l‑ekonomija Maltija."

Konferenza organizzata mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali ta’ Malta: Investment and Investment Finance – the Case of Malta

Konferenza organizzata mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali ta’ Malta: Investment and Investment Finance – the Case of Malta

Konferenza organizzata mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali ta’ Malta: Investment and Investment Finance – the Case of Malta

Lura lejn l-Arkivju