News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

05/10/2017

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiftaħ fin-Notte Bianca

Għal darb'oħra, il-Bank Ċentrali ta' Malta ser jipparteċipa fl-edizzjoni ta' din is-sena tan-Notte Bianca li ser issir is-Sibt, 7 ta' Ottubru 2017. Il-bini prinċipali tal-Bank fi Pjazza Kastilja ser ikun miftuħ għall-pubbliku bejn is-sitta u l-ħdax ta' filgħaxija.

Dawk li jżuru l-Bank ser ikollhom l-opportunità li jżuru l-mużew tal-flus, fejn hemm għażla impressjonanti ta' muniti u karti tal-flus fiċ-cirkolazzjoni li ntużaw f'Malta matul iż-żminijiet, kif ukoll wirja speċjali ta' muniti użati fil-ġojjellerija u għal skopijiet oħrajn. Barra minn hekk, il-passaġġ ta' bejn id-dħul għall-Bank faċċata tal-Funtana tat-Tritoni u l-passaġġ li jwassal għal Triq Ġlormu Cassar ser ikun miftuħ għall-pubbliku. F'dan il-passaġġ ser ikun hemm għall-wiri ritratti bit-tema tal-Belt Valletta. Il-viżitaturi jistgħu jżuru wkoll il-Victor Pasmore Gallery u wirja tal-bonsaj imtellgħa f'kollaborazzjoni mal-Bonsai Culture Group fil-ġonna tal-Bank li ġew inawgurati riċentement.

Matul din l-attività, il-viżitaturi jistgħu jżuru l-Malta Coin Centre fejn ikunu jistgħu jixtru varjetà ta' muniti numiżmatiċi u tal-kollezzjoni. Ser ikun hemm ukoll materjal ta' informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar it-tisrif ta' karti tal-flus Maltin f'euro li jista' jsir fil-Bank Ċentrali ta' Malta sal-31 ta' Jannar 2018.

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku tal-Bank, jew billi wieħed iċempel lill-Malta Coin Centre fuq (+356) 2550 6006/7.

Lura lejn l-Arkivju