News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

02/08/2017

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Kien hemm tnaqqis notevoli fin‑numru ta' karti tal‑flus tal‑euro foloz li ġew irrapportati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑ewwel nofs tal‑2017. L‑ammont totali ta' 422 karta tal‑flus falza rtirati miċ‑ċirkolazzjoni kien 34% inqas minn dak irtirat fis‑sitt xhur ta' qabel (Lulju sa Diċembru 2016), u inqas ukoll mill‑ammont irrapportat fl‑istess perjodu tal‑2016 (Jannar sa Ġunju 2016).

Meta mqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 10.39 miljun fl‑ewwel sitt xhur tal‑2017), il‑proporzjon ta' karti tal‑euro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.13%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 331,000 karta tal‑flus.

Mill‑karti kollha tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f'Malta matul l‑ewwel nofs tas‑sena, id‑denominazzjonijiet tan‑nofs baqgħu l‑iktar karti ffalsifikati, bil‑karti tal‑€20 u tal‑€50 jammontaw għal 73.5% tat‑total tal‑flus foloz maqbuda. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑€20 u tal‑€50 żdied, filwaqt li dak tal‑€10 naqas minn 36.9% fis‑sitt xhur ta' qabel għal 17.3% matul dan il‑perjodu.

It‑Tabella tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fl‑ewwel nofs tal‑2017, imqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal‑Euro

1.0

2.4

36.9

47.6

9.0

1.6

1.5

Malta

0.0

17.3

28.0

45.5

8.3

0.7

0.2

Il‑Bank jixtieq ifakkar lill‑pubbliku li l‑karta ġdida tal‑€50, bil‑karatteristiċi innovattivi tagħha ta' sigurtà, ġiet imnedija fl‑4 ta' April 2017. Il‑manifatturi tat‑tagħmir tal‑karti tal‑flus ser ikomplu jirċievu sapport mill‑Eurosistema fl‑adattament tal‑magni u t‑tagħmir tagħhom għall‑awtentikazzjoni għall‑karta ġdida tal‑flus. Jekk it‑tagħmir tagħhom għadu ma jistax jaċċetta din il‑karta tal‑flus, l‑operaturi jew is‑sidien għandhom jikkuntattjaw lill‑fornituri jew lill‑manifatturi tagħhom mingħajr dewmien.

Minkejja l‑livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "FEEL‑LOOK‑TILT" kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.

Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑Pulizija fuq 2294 2120 jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email lill‑Bank. 

Lura lejn l-Arkivju