News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2017

26/06/2017

Serje ta’ muniti li juru monumenti preistoriċi Maltin – Ħaġar Qim

Fis‑27 ta' Ġunju 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑tempji ta' Ħaġar Qim.

In‑naħa ta' wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2 filwaqt li n‑naħa ta' quddiem (in‑naħa nazzjonali) turi rappreżentazzjoni tat‑tempji ta' Ħaġar Qim. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita ġiet iddisinjata minn Noel Galea Bason.

It‑Tempji ta' Ħaġar Qim fil‑Qrendi f'Malta għandhom uħud mill‑ikbar ġebel megalitiku użat fil‑bini tat‑tempji preistoriċi li nsibu fil‑gżejjer Maltin. Is‑sit imur lura għas‑snin 3,600‑3,200 QK, u huwa wieħed mill‑eqdem monumenti free‑standing fid‑dinja. Ħaġar Qim huwa ddikjarat bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Din il‑munita, li ssegwi l‑munita li turi t‑tempji tal‑Ġgantija, tkompli s‑serje ta' seba' muniti li qed jinħarġu mill‑Bank li juru monumenti preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Dawn il‑muniti kommemorattivi ser jiġu prodotti f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment f'coin cards. Il‑muniti fil‑cards, li minnhom ser isiru biss 30,000, ser juru marka taz‑zekka tal‑Monnaie de Paris, fejn inħadmu l‑muniti. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC), li jista' jiġi aċċessat mis‑sit elettroniku tal-Bank. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Munita kommemorattiva taż‑€2 - Ħaġar Qim

Coin card - Ħaġar Qim

Coin card - Ħaġar Qim

Series of coins depicting Malta’s prehistoric monuments – Ħaġar Qim

Lura lejn l-Arkivju