News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2017

25/05/2017

Il-banek ċentrali fi ħdan is-SEBĊ jilqgħu l-pubblikazzjoni tal-Foreign Exchange Global Code of Conduct

Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) tilqa' l-pubblikazzjoni tal-Foreign Exchange Global Code of Conduct (Kodiċi) u materjal dwar mekkaniżmi ta' aderenza. Din hija inizjattiva globali sinifikanti għall-promozzjoni ta' suq tal-kambju b'saħħtu, ġust, likwidu, miftuħ u trasparenti, bi standards etiċi għoljin li jibbenefikaw minnhom il-parteċipanti kollha fis-suq tal-kambju bl-ingrossa. Swieq finanzjarji li jiffunzjonaw tajjeb huma importanti għall-banek ċentrali sabiex tiġi żgurata trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja għall-ekonomija reali, li minnha ċ-ċittadini kollha għandhom finalment jibbenefikaw.

Il-banek ċentrali fi ħdan is-SEBĊ huma impenjati ferm għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-aderenza għall-Kodiċi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, li flimkien għandhom rwol ewlieni fis-suq globali tal-kambju. Għal dak il-għan, huma impenjati li jżommu mal‑prinċipji tal-Kodiċi meta jaġixxu bħala parteċipanti fis-suq tal-kambju, u bl-istess mod jistennew li l-kontropartijiet regolari tagħhom fin-negozju fis-suq tal-kambju jżommu mal-Kodiċi.

Il-banek ċentrali fi ħdan is-SEBĊ jinkoraġġixxu wkoll lill-parteċipanti fis-suq tal-kambju fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom sabiex jevolvu l-prattiċi tagħhom, b'tali mod li jkunu konsistenti mal-prinċipji tal-Kodiċi u juru l-impenn tagħhom billi japprovaw l-Istqarrija ta' Impenn annessa mal-Kodiċi. Il-banek ċentrali fi ħdan is-SEBĊ huma ħerqana sabiex jaraw evoluzzjoni xierqa tal-prattiċi.

Għal mistoqsijiet dwar midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Lena-Sophie Demuth, tel.: +49 69 1344 5423.


Noti:

  • Is-SEBĊ hija magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-EU, kemm dawk li adottaw l-euro kif ukoll dawk li għadhom m'adottawhx.
  • Il-Foreign Exchange Global Code of Conduct u materjal dwar mekkaniżmi ta' aderenza jinsabu fuq www.globalfxc.org.
Lura lejn l-Arkivju