News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2017

27/02/2017

Ħruġ ta’ muniti li jfakkru l-Konservatorju fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti - wieħed mill-istrutturi prominenti ta’ Malta li m’għadhomx jeżistu

Fit‑28 ta' Frar 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ muniti numiżmatiċi tad‑deheb u l‑fidda li juru l‑Konservatorju mibni fil‑Ġonna Botaniċi tal‑Argotti. Il‑muniti huma maħruġa taħt l‑Europa Programme bit‑tema 'Żmien il‑Ħadid u l‑Ħġieġ', u għandhom il‑marka tal‑logo Europa Star.

Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali* ta' €50, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali* ta' €10. Il‑munita tal‑fidda tal‑€10 hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru. L‑istampar hu limitat għal 3,000 munita. Il‑munita tad‑deheb tal‑€50 hi maħduma f'0.916 deheb, tiżen 6.5 grammi u għandha dijametru ta' 21 millimetru. L‑istampar hu limitat għal 1,000 munita. Iż‑żewġ muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof.

Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. In‑naħa ta' wara tal‑muniti turi l‑Konservatorju fil‑Ġonna Botaniċi tal‑Argotti. Din l‑istruttura tal‑ħadid u l‑ħġieġ, li kienet iddisinjata mill‑arkitett Andrea Vassallo, kienet xi ħaġa innovativa għal Malta. Il‑konservatorju kien struttura estetikament sabiħa, iżda l‑manutenzjoni tiegħu kienet tiswa ħafna, tant li fl‑1931 il‑Gvern iddeċieda li jħottu.

In‑naħa ta' quddiem tal‑munita turi l‑istemma araldika ta' Malta u l‑logo tal‑Europa Star. Il‑muniti ta' din is‑sena ser ikunu parti minn serje ta' ħames snin iddedikati lil perjodi differenti ta' forom ta' arti u storja Ewropea li nġabru fi gruppi ġeneriċi bħala: is‑Seklu għoxrin modern (2016), Żmien il‑Ħadid u l‑Ħġieġ (2017), Barokk u Rokokò (2018), Rinaxximent (2019) u Gotiku (2020).

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑munita tad‑deheb ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €340, filwaqt li l‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.


* Il‑valur nominali jirrappreżenta valuta legali tal‑muniti f'Malta biss. Il‑muniti m'għandhom l‑ebda status ta' valuta legali f'pajjiżi oħra fiż‑żona tal‑euro.

Il-Konservatorju fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti - munita tal-fidda        Il-Konservatorju fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti - munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju