News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2017

23/01/2017

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – l-Ewwel Ħarġa tal-2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑Rivista Ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2017, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tielet trimestru tal‑2016.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll artikli dwar indiċi f'ħin reali tal‑kundizzjonijiet tan‑negozju għall‑ekonomija Maltija, u dwar indikatur li jivvaluta jekk il‑prezzijiet tal‑proprjetà residenzjali humiex konformi mal‑prinċipji ekonomiċi fundamentali. Minbarra dan, din l‑edizzjoni tippreżenta r‑riżultati tal‑aħħar Stħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Familji (HFCS) u tagħti ħarsa ġenerali lejn il‑proċess tat‑tbassir li jsegwi l‑Bank sabiex jiġi ġġenerat tbassir makroekonomiku għal żmien medju. Ir‑Rivista tinkludi wkoll diskors li għamel il‑Gvernatur matul l‑ikla annwali tal-2016 tal‑Institute of Financial Services.

Matul il‑perjodu kopert, l‑ekonomija Maltija kienet waħda mill-ekonomiji li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla fil-pajjiżi taż‑żona tal‑euro, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jiżdied bi 3.0% fuq bażi annwali. Din ir‑rata tat‑tkabbir kienet kważi d‑doppju tar‑rata osservata fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, u l‑inflazzjoni, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), baqgħet baxxa minn perspettiva storika, fil‑livell ta' 0.9% f'Settembru.

Id‑depożiti tar‑residenti f'Malta komplew jiżdiedu b'pass mgħaġġel f'termini annwali. Fl‑istess waqt, il‑livell baxx tar‑rati tal‑imgħax ikkontribwixxa għal aktar ċaqliq lejn id‑depożiti overnight. Ir‑rati tal‑imgħax fuq id‑depożiti u s‑self lil residenti f'Malta komplew jonqsu matul it‑tielet trimestru, kif għamlu wkoll il‑yields fuq bills tat‑Teżor u bonds tal‑gvern.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali f'Malta matul it‑trimestru ta' Settembru, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali naqas fuq l‑istess perjodu tal‑2015. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ kien pożittiv u ekwivalenti għal 0.6% tal‑PDG. Il‑proporzjon tad‑dejn għall‑PDG laħaq il‑livell baxx ta' 60.4% tal‑PDG.

Ir‑Rivista tagħti ħarsa wkoll lejn id‑deċiżjonijiet riċenti tal‑politika monetarja, u tinnota li fl‑isfond ta' tkabbir moderat u tnaqqis fiż‑żieda fil‑prezzijiet fiż‑żona tal‑euro, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm ir‑rati ewlenin tal‑imgħax l‑istess matul il‑perjodu kopert. Ġie kkonfermat ukoll li x‑xiri ta' assi ser ikompli bir-rata ta' kull xahar ta' €80 biljun, tal‑inqas sal‑aħħar ta' Marzu 2017. F'Diċembru, il‑BĊE ħabbar li minn April 2017, ir-rata ta' kull xahar ta' xiri bħal dan ser titnaqqas għal €60 biljun, bix‑xiri jkompli tal‑inqas sal‑aħħar ta' Diċembru 2017.

L‑ewwel ħarġa tar-Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2017 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju