News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

03/09/2015

Ir-Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2014

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed jippubblika s‑seba’ edizzjoni annwali tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Ir‑Rapport ikopri l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja Maltija matul l‑2014, waqt li jidentifika l‑potenzjal ta’ riskji u vulnerabbiltajiet. Ir‑rapport jeżamina wkoll il‑kapaċità tas‑sistema biex tegħleb dawn ir‑riskji.

Ir‑Rapport jibda billi jiddeskrivi x‑xenarju ekonomiku li fih is‑sistema finanzjarja qiegħda topera, u jagħmel referenzi għall‑iżviluppi fis‑settur finanzjarju internazzjonali li seħħew matul l‑2014 u fl‑ewwel xhur tal‑2015. Ir‑Rapport imbagħad ikompli janalizza r‑riskji ewlenin għall‑istabbiltà finanzjarja partikolarment għall‑core domestic banks, u janalizza l‑kapaċità ta’ dawn il‑banek biex jegħlbu dawn l‑isfidi, filwaqt li jikkonsidra wkoll ix‑xenarji ta’ stress fis‑sistema finanzjarja. L‑iżviluppi fin‑non‑core domestic banks u fil‑banek internazzjonali, kif ukoll il‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni u l‑fondi ta’ investiment huma analizzati separatament. Ir‑Rapport jikkonkludi b’evalwazzjoni tar‑riskji identifikati u jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jonqsu dawn ir‑riskji. Din l‑edizzjoni tinkludi wkoll artikli li jiffukaw fuq temi partikolari, bħal  analiżi tar‑riżultati tal‑Istħarriġ dwar is‑Self tal‑Banek (Bank Lending Survey); l‑implimentazzjoni ta’ kapital addizzjonali skont iċ‑ċiklu ekonomiku (countercyclical capital buffer); il‑kategorizzazzjoni tal‑banek skont ir‑rilevanza sistemika tagħhom; u introduzzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ statistika tal‑Corep (Common Reporting) u l‑Finrep (Financial Reporting) għall‑banek.

Ir‑Rapport jikkonkludi li s‑sistema finanzjarja domestika baqgħet b’saħħitha u sostnuta minn ekonomija Maltija li qiegħda tikber. Fil‑fatt, meta mqabblin mal‑2013, ir‑riskji għall‑istabbiltà finanzjarji baqgħu l‑istess, b’xi wħud minnhom ibiddlu d‑direzzjoni u jbattu fis‑severità tagħhom fl‑2014. Għall‑ġejjieni, ir‑riskji identifikati huma mistennija li jibqgħu ġeneralment stabbli, b’xi wħud ikomplu jonqsu.

Fl‑2014, is‑settur bankarju f’Malta kiber b’4.8% l‑aktar minħabba żviluppi fil‑kategorija tal‑core domestic banks. In‑non‑core domestic banks irrapportaw rata tat‑tkabbir ta’ 15.6%, filwaqt li l‑assi tal‑banek internazzjonali naqsu b’1%. B’riżultat ta’ dan, id‑daqs tas‑sistema bankarja kien ta’ 664% tal‑prodott domestiku gross (PDG). It‑tkabbir fil‑balance sheet tal‑core domestic banks seħħ primarjament minħabba żieda fl‑assi finanzjarji (securities), bil‑biċċa l‑kbira maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji barranin. Fit‑tfittxija għal qligħ akbar, il‑core domestic banks żiedu d‑depożiti tagħhom ma’ istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu, wara li r‑rata fuq il‑faċilità ta’ depożiti overnight saret negattiva meta tnaqqsu r‑rati tal‑imgħax mill‑Bank Ċentrali Ewropew f’Ġunju 2014. Is‑self lill‑klijienti żdied b’4.5% matul is‑sena, l‑aktar minħabba self lill‑individwi residenti f’Malta. Barra minn hekk, is‑self lill‑kumpaniji reġa’ beda jikber, b’żieda ta’ 1.8% fl‑2014 wara sentejn konsekuttivi ta’ tnaqqis. Id‑depożiti tal‑klijenti komplew jiżdiedu, bi tkabbir ta’ 12.7%, biex laħqu 84.8% tal‑obbligazzjonijiet tal‑core domestic banks. Billi t‑tkabbir fid‑depożiti tal‑klijenti kien jiżboq dak tas‑self lill‑klijenti, dan wassal għal tnaqqis fil‑proporzjon bejn is‑self u d‑depożiti tal‑klijenti b’4.8 punti perċentwali għal 61.7% sal‑aħħar tal‑2014, meta l‑medja taż‑żona tal‑euro kienet 103.2%. Sorsi oħra ta’ finanzjament, partikolarment dak ta’ bejn il‑banek, baqgħu baxxi.

Ir‑riskju marbut mas‑self kompla jkun ta’ sfida ewlenija għall‑core domestic banks, iżda din il‑vulnerabbiltà naqset xi ftit minħabba titjib fil‑qagħda ekonomika. Dan, flimkien ma’ tkabbir aktar mgħaġġel fis‑self, ikkontribwixxa għat‑tnaqqis fil‑proporzjon tas‑self fejn il‑ħlas qiegħed b’lura (non‑performing loans), li wara li laħaq l‑ogħla livell f’Ġunju, naqas għal 9.3% sa Diċembru 2014. Il‑proporzjon tas‑self fejn il‑ħlas qiegħed b’lura (non‑performing loans) hu mistenni li jkompli jonqos fl‑2015. Minbarra dan, il‑core domestic banks komplew iżidu l‑provvedimenti tagħhom għal telf fuq is‑self u r‑‘Reserves for General Banking Risk’ tagħhom, skont ir‑Regola Bankarja 09, u b’hekk ikomplu jtejbu l‑coverage ratios tagħhom.

Il‑livelli ta’ kapital tal‑core domestic banks baqgħu b’saħħithom u huma iktar mill‑ minimi regolatorji. Il‑capital adequacy ratio u t‑Tier 1 capital ratio tal‑core domestic banks baqgħu b’saħħithom fil‑livelli ta’ 14.1% u 10.5%, rispettivament. Il‑pożizzjoni tagħhom ta’ likwidità baqgħet tajba ħafna minħabba żieda fid‑depożiti, hekk kif il‑proporzjon ta’ likwidità qabeż sew il‑minimu ta’ 30% mitlub mir‑regoli. Il‑profittabbiltà baqgħet b’saħħitha minkejja li ddgħajfet xi ftit minħabba x‑xenarju kurrenti ta’ rati baxxi tal‑imgħax flimkien ma’ żieda fl‑ispejjeż relatati l‑aktar ma’ dawk regolatorji u ta’ assi li naqas il‑valur tagħhom (impaired assets). Minkejja dan, il‑profittabbiltà ta’ dawn il‑banek xorta baqgħet akbar minn dawk ta’ banek oħra ta’ daqs simili li joperaw fiż‑żona tal‑euro. Ir‑riżultati tal‑istress tests li għamel il‑Bank Ċentrali ta’ Malta kkonfermaw mill‑ġdid is‑saħħa tal‑core domestic banks għal diversi xenarji negattivi ipotetiċi.

Ir‑riskji li jirriżultaw min‑non‑core domestic banks u banek internazzjonali baqgħu ġeneralment imrażżna u baxxi, u r‑rabtiet tagħhom mal‑ekonomija domestika baqgħu limitati. Il‑banek kienu affettwati l‑aktar minn deċiżjonijiet dwar ristrutturar sabiex jitnaqqas l‑operat tas‑sussidjarji barranin tagħhom, u xi ftit ukoll minħabba żieda fit‑telf fil‑valur tal‑assi (impairment charges) marbuta ma’ fatturi speċifiċi għal xi banek. Dawn il‑banek komplew juru xejra pożittiva b’likwidità għolja u riżervi suffiċjenti. Fir‑rigward tas‑setturi tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta’ investiment, dawn komplew juru xejriet sodisfaċenti, immexxija minn prattiċi prudenti.

Fid‑dawl tal‑analiżi li jinsab fir‑Rapport, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jinkoraġġixxi lill‑banek sabiex ikomplu jżidu l‑provvedimenti tagħhom, itejbu r‑riżervi tagħhom, u jżommu politika prudenti fit‑tqassim ta’ dividendi. Minkejja li s‑settur finanzjarju kontinwament jaġġorna lilu nnifsu biex ikun konformi mar‑regolamenti domestiċi u internazzjonali, l‑istituzzjonijiet huma xorta mħeġġa li jieħdu l‑miżuri proattivi neċessarji, konformi mar‑Regolamenti u d‑Direttivi l‑ġodda li ġejjin tal‑Unjoni Ewropea, partikolarment il‑Bank Recovery and Resolution Directive, u kwalunkwe reviżjonijiet ġodda għall‑qafas tal‑Capital Requirements Directive (CRR/CRD IV).

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista’ jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

 

 

Lura lejn l-Arkivju