News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

23/11/2026 11:50:00

Ir-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2026

Is-sistema finanzjarja ta' Malta tibqa' reżiljenti

L-edizzjoni l-aktar aġġornata tar-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja tal-Bank Ċentrali ta' Malta tevalwa l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja domestika matul l-ewwel nofs tal-2026, filwaqt li tenfasizza r-reżiljenza kontinwa tagħha f'ambjent ekonomiku u finanzjarju internazzjonali mimli sfidi.

L-ambjent estern baqa' kkaratterizzat minn tensjonijiet ġeopolitiċi li komplew jiżdiedu, inċertezza persistenti dwar il-politika kummerċjali u volatilità li reġgħet żdiedet fis-swieq tal-enerġija u finanzjarji. L-attività ekonomika globali baqgħet reżiljenti, filwaqt li dik fiż-żona tal-euro baqgħet moderata, bi pressjonijiet inflazzjonarji persistenti u kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar stretti li kkontribwew għall-volatilità fis-swieq finanzjarji. F'dan l-isfond, l-ekonomija Maltija baqgħet turi prestazzjoni b'saħħitha, sostnuta minn domanda domestika qawwija, kundizzjonijiet favorevoli fis-suq tax-xogħol u attività b'saħħitha fis-servizzi relatati mat-turiżmu. F'Malta, l-inflazzjoni mmoderat sa nofs is-sena, għalkemm baqgħu jeżistu riskji li din tkun ogħla milli mistenni. Il-pożizzjoni finanzjarja tas-settur pubbliku u dak privat baqgħu ġeneralment sodi.

L-attività fis-suq tad-djar baqgħet b'saħħitha, bil-prezzijiet tad-djar komplew jogħlew u s-self għal xiri ta' proprjetà residenzjali jkompli jikber b'ritmu mgħaġġel. Il-miżuri regolatorji fuq is-self u l-istandards prudenti mill-banek baqgħu jgħinu biex jittaffew ir-riskji relatati mas-self, filwaqt li l-bafer settorjali għar-riskju sistemiku (sectoral systemic risk buffer) baqa' jsaħħaħ il-kapaċità tal-banek li jassorbu t-telf finanzjarju. Madankollu, il-konċentrazzjoni tas-self bankarju f'attivitajiet marbuta mal-proprjetà tibqa' vulnerabbiltà strutturali.

Is-settur bankarju baqa' jopera b'kapital u likwidità b'saħħitha, kwalità tal-assi tajba ħafna u profittabbiltà ġeneralment soda. Is-self mill-banek li joperaw fis-settur domestiku (core banks) kompla jikber, filwaqt li s-self li ma jrendix (NPLs) kompla jonqos. Il-banek fil-kategorija non-core żammew livelli komdi ta' kapital u likwidità minkejja aktar tnaqqis fl-assi tagħhom. Fl-istess ħin, l-assi tal-banek fil-kategorija internazzjonali (international banks) kibru waqt li l-kwalità tal-assi u l-profittabilità tagħhom tjiebu. Ir-riżultati ta' testijiet tal-istress fuq il-likwidità u r-rati tal-imgħax ikkonfermaw ukoll ir-reżiljenza ġenerali tas-settur bankarju. Madankollu, iż-żieda fl-ispejjeż operattivi, xi deterjorament fl-indikaturi li jkejlu r-risku ta' kreditu bil-quddiem, u l-konċentrazzjoni fl-assi miżmuma fis-settur bankarju, kollha jenfasizzaw l-importanza ta' viġilanza kontinwa u tmexxija prudenti tar-riskji.

Is-settur finanzjarju lill hinn mis-settur bankarju rilevanti fuq livell domestiku baqa' wkoll reżiljenti b'mod ġenerali. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni lokali baqgħu kkapitalizzati sew u żammew livelli ta' likwidità ġeneralment suffiċjenti, għalkemm l-iżviluppi fil-profittabbiltà kienu mħallta bejn is-segmenti tal-assigurazzjoni tal-ħajja u dawk ġenerali. Il-fondi ta' investiment b'rilevanza domestika baqgħu jibbenefikaw minn livell ta' dejn baxx ħafna, ammonti sostanzjali ta' assi likwidi u kapaċità ġenerali b'saħħitha li jiġu ssodisfati t-talbiet għal-likwidazzjoni tal-investimenti.

Madankollu, profittabbiltà aktar dgħajfa u volatilità tas-swieq iżjed għolja baqgħu joħolqu sfidi. Ir-rabtiet ta' dawn il-fondi ma' investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji lokali jistgħu jservu bħala mezzi għat-trażmissjoni ta' stress finanzjarju.

Ir-Rapport jinkludi ħames artikli analitiċi li jkopru suġġetti magħżula dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-politika makroprudenzjali. Dawn jeżaminaw id-dipendenza fuq self ipotekarju għall-finanzjament tax-xiri ta' proprjetà residenzjali f'Malta; ir-relazzjoni bejn ir-riskju sistemiku ċikliku u r-riskji ta' tnaqqis fil-profittabbiltà tal-banek; kemm tiswa l-ekwità tal-banek Maltin; il-kontribut tar-riskju ta' katastrofi klimatiċi fuq ir-rekwiżiti kapitali regolatorji ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni ġenerali lokali; u l-attività tal-istablecoins minn operaturi liċenzjati biex ifornu servizzi relatati ma' crypto assets f'Malta. Ir-Rapport jinkludi wkoll żewġ Artikli Speċjali, wieħed dwar ir-reżiljenza tal-likwidità tal-banek għal tfixkil ipotetiku fil-pagamenti relatat ma' inċidenti ċibernetiċi bl-użu ta' data dwar it-tranżazzjonijiet f'TARGET2-Malta; u ieħor dwar ir-reżiljenza tal-fondi ta' investiment b'relevanza domestika għal rikjesti ta' likwidazzjoni ta' investimenti.

Lura lejn l-Arkivju