News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

25/09/2026 15:15:00

Pjan Strateġiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta 2027-2030

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alexander Demarco, u d‑Deputati Gvernaturi, is‑Sur Oliver Bonello u s‑Sinjura Rita Schembri, ippreżentaw  il‑Pjan Strateġiku tal‑Bank għall‑perjodu 2027-2030  lill-impjegati.

Bil-viżjoni "Bank ċentrali fdat, indipendenti u li jħares 'il quddiem", il-Pjan Strateġiku jistabbilixxi d-direzzjoni tal-Bank għas-snin li ġejjin u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jaqdi l-interess pubbliku b'indipendenza, integrità, kompetenza u trasparenza.

Fil‑preżentazzjoni tagħhom, il‑Gvernatur u d‑Deputati Gvernaturi ddeskrivew l‑ambjent dejjem aktar kumpless li fih jopera l‑Bank, inklużi l‑inċertezza ġeopolitika, l‑innovazzjoni teknoloġika u finanzjarja, it‑theddid ċibernetiku, ir‑riskji relatati mal‑klima u l‑aspettattivi dejjem jinbidlu tal‑partijiet interessati. Enfasizzaw li filwaqt li l‑mandat tal‑Bank jibqa' dak stabbilit, il‑mod li bih iwettaq irid jkompli jimbidel maż-żmien. 

Tnedija tal-Pjan Strateġiku tal-Bank

Il-Pjan Strateġiku huwa mibni fuq tmien pilastri. L-ewwel erba' jiffokaw dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-Bank fuq bażi nazzjonali permezz tal-istabbiltà fil-prezzijiet, pagamenti effiċjenti u siguri u servizzi tal-flus kontanti, l-involviment tal-partijiet interessati, u l-immaniġġjar responsabbli tal-assi finanzjarji. L-erba' pilastri l-oħra jindirizzaw l-istabbiltà finanzjarja, ir-riskju u s-sigurtà, il-governanza u l-eżekuzzjoni tal-istrateġija, u l-eċċellenza operazzjonali u l-impjegati. Flimkien huma jfittxu li jsaħħu r-reżiljenza finanzjarja u istituzzjonali tal-Bank, jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali responsabbli, jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-impjegati, u jżommu governanza u responsabbiltà robusti.

Fir‑rimarki tagħhom lill‑impjegati, il‑Gvernatur u d‑Deputati Gvernaturi enfasizzaw l‑importanza li persuna tifhem kif responsabbiltajiet individwali u dipartimentali jappoġġaw il‑kisba tal‑għanijiet strateġiċi tal‑Bank. Huma ħeġġew lill-kollegi sabiex jikkollaboraw fl-oqsma organizzattivi kollha, jidentifikaw id-dipendenzi fi stadju bikri, ikomplu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom u jaħdmu flimkien biex iwettqu l-Pjan Strateġiku b'suċċess.

Wara l‑preżentazzjonijiet, il‑Gvernatur u d‑Deputati Gvernaturi rringrazzjaw lill‑impjegati għad‑dedikazzjoni, il‑professjonaliżmu u s‑servizz tagħhom lill‑Bank, filwaqt li enfasizzaw li t‑twettiq b'suċċess tal‑Pjan Strateġiku hu responsabbiltà mifruxa fuq kulħadd fil-Bank u affermaw mill‑ġdid l‑impenn tal‑Bank li jservi lil Malta u lill‑Eurosistema b'eċċellenza.

L-Udjenza waqt it-tnedija tal-Pjan Strateġiku

Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta

Lura lejn l-Arkivju