News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
27/07/2026 08:38:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2026
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li, fit-tieni kwart tal‑2026, ħafna min-negozji mistħarrġa komplew jinnutaw kundizzjonijiet stabbli jew li qed jitjiebu, bil-bilanċ nett ta' dawk li rrappurtaw titjib fil-kundizzjonijiet attwali jilħaq 41% minn 33% fil-kwart ta' qabel.1 Fost is-setturi ewlenin mistħarrġa, is-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà kien l-aktar fiduċjuż dwar it-tkabbir fl-attività.
Għalkemm l-inċertezza ġeopolitika kompliet tkun ta' piż fuq l-aspettattivi, dawn xorta tjiebu, b'perċentwal nett ta' 49% tal-kumpaniji jantiċipaw attività ogħla, żieda minn 42% fil-kwart ta' qabel. Is-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut irrapporta l-aktar prospetti favorevoli, segwit mill-qrib mis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà. L-aspettattivi kemm fis-settur tas-servizzi kif ukoll f'dak tal-manifattura wkoll baqgħu ġeneralment pożittivi, minkejja inċertezza akbar relatata l-aktar mal-klima ġeopolitika.
F'dan id-djalogu, il-proporzjon nett tan-negozji li rrapportaw pressjonijiet ogħla fuq l-ispejjeż żdied b'mod sinifikanti għal 86%. Madankollu, il-bilanċ nett tan-negozji li għollew il-prezzijiet tal-bejgħ żdied biss marġinalment u kien aktar baxx, fil-livell ta' 51%.
Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-Proporzjon Nett ta' dawk li wieġbu f'punti perċentwali (pp) għat-tieni kwart tal-2026 (Q2).


Il-proporzjon nett tan-negozji li biħsiebhom iżidu l-investimenti żdied bi ftit, bl-investiment xprunat l-aktar mill-infiq kapitali, it-tkabbir fin-negozju u l-isforzi ta' diversifikazzjoni. It-tweġibiet miġbura fl-aħħar djalogu jissuġġerixxu wkoll li l-impjiegi mistennija jkomplu jiżdiedu, għalkemm b'ritmu aktar kajman minn dak mistenni fil-kwart ta' qabel.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi sezzjoni dwar l-iżviluppi fis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà mill-2022.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod interattiv permezz ta'
dashboard iddedikat.
1 Il‑fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju