News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
22/01/2026 11:45:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2026
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li, fir-raba' kwart tal‑2025, il-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju tjiebu fost in-negozji mistħarrġa hekk kif il-bilanċ nett li jirrapporta titjib kważi rdoppja mit-tielet kwart tas-sena, u laħaq it-52%.
In-negozji tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u tas-servizzi rrappurtaw l-aktar tkabbir fl-attività. Il-kundizzjonijiet kienu wkoll pożittivi fis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà. Min-naħa l-oħra, is-settur tal-manifattura rrapporta tnaqqis fl-attività. Għalkemm nofs il-kumpaniji f'dan is-settur irrappurtaw kundizzjonijiet stabbli, dawk li qed jesperjenzaw tnaqqis fl-attività kienu aktar minn dawk li rrappurtaw tkabbir.
L-aspettattivi għall-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin kienu pożittivi wkoll, b'19% netti tan-negozji jantiċipaw titjib, tnaqqis minn 27% fil-kwart ta' qabel. Is-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut irrapporta l-aktar prospetti favorevoli, segwit mis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà. B'kuntrast ma' dan, il-prospetti fis-settur tal-manifattura huma stabbli, filwaqt li l-aspettattivi fis-settur tas-servizzi huma pożittivi.


Fil-kwart li qed jiġi analizzat, il-pressjonijiet fuq l-ispejjeż żdiedu għal proporzjon nett ta' 65% tan-negozji intervistati meta mqabbel ma' 56% fil-kwart ta' qabel. Madankollu, dawn il-pressjonijiet fuq l-ispejjeż kienu relattivament baxxi jew moderati. Sadattant, il-bilanċ nett tan-negozji li jgħollu l-prezzijiet tal-bejgħ naqas għal 31% minn 35% fil-kwart preċedenti.
Il-proporzjon nett tan-negozji li għandhom l-intenzjoni li jżidu l-investiment naqas għal 22% minn 27% fit-tielet kwart. Dawn l-investimenti huma mistennija li jkunu xprunati minn investiment fl-infiq kapitali u d-diġitalizzazzjoni. It-tweġibiet miġbura fl-aħħar perjodu ta' djalogu jindikaw ukoll ritmu pożittiv fil-ħolqien tal-impjiegi, għalkemm b'ritmu aktar kajman minn dak irrappurtat fil-kwart ta' qabel (il-proporzjon nett tal-kumpaniji li qed jirreklutaw naqas minn 60% għal 46%).
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll silta li tiffoka dwar il-pressjonijiet fuq l-ispejjeż f'Malta mill-2023.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod interattiv permezz ta'
dashboard iddedikat.
1 Il‑fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju