News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
19/08/2025 08:14:00
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali 2025-2027
Il-prospetti ekonomiċi jibqgħu kważi l-istess meta mqabbla mat-tbassir preċedenti
Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) reali f'Malta mistenni jimmodera minn 5.9% fl‑2024 għal 3.9% fl‑2025. It‑tkabbir mistenni jkompli jbatti fis‑sentejn ta' wara u jilħaq it-3.3% fl‑2027. Meta mqabbel mat‑tbassir preċedenti tal‑Bank, it‑tkabbir previst fil‑PDG hu rivedut marġinalment 'l isfel fl‑2025 u b'mod ġenerali baqa' l‑istess għas‑sentejn ta' wara, meta mqabbel mat-tbassir preċedenti.
Il-konsum privat huwa mistenni li jkun il-mutur ewlieni tat-tkabbir fil-PDG tul il-perjodu tat-tbassir, hekk kif dan mistenni jibqa jikber b'ritmu mgħaġġel ħafna, għalkemm aktar kajman mit-tkabbir riċenti, filwaqt li l-investiment għandu jkompli jirkupra wkoll fl-ewwel sentejn tal-perjodu tat-tbassir. Barra minn hekk, l-esportazzjoni netta hija mistennija li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-tkabbir fil-PDG tul il-perjodu ta' tbassir, xprunata mill-kummerċ fis-servizzi. Madankollu, dan il-kontribut mistenni li jkun ħafna iżgħar minn dik tad-domanda domestika.
Hekk kif l-attività tbatti, it-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera gradwalment minn 5.3% fl-2024 għal 3.0% din is-sena qabel ma jkompli jinżel għal 2.4% u 2.3% sal-2026 u l-2027, rispettivament. Ir-rata tal-qgħad mistennija li tonqos bi ftit għal 2.7% sa tmiem il-perjodu tat-tbassir.
Is-suq tax-xogħol mistenni li jibqa' ristrett u dan ser ikun fattur ewlieni li jmexxi l-perspettiva tal-pagi. Madankollu, il-proċess ta' diżinflazzjoni li għaddej bħalissa, flimkien mal-ħtieġa dejjem tikber biex ekonomija żgħira miftuħa bħal ta' Malta tibqa' kompetittiva f'ambjent kummerċjali diffiċli, għandu jtaffi l-pressjoni 'l fuq fuq il-pagi. It-tkabbir fil-pagi mistenni li jimmodera għal 4.4% fl-2025, minn 6.3% s-sena l-oħra. Imbagħad mistenni li jimmodera għal 3.7% u 3.5% fl-2026 u fl-2027, rispettivament.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) hija mbassra li tkun fil-livell ta' 2.3% fl-2025, wara 2.4% s-sena l-oħra, minħabba inflazzjoni iktar baxxa fl-ikel u fis-servizzi. Mistennija li tkompli tonqos għal 2.1% fl-2026 u għal 2.0% fl-2027, l-aktar minħabba inflazzjoni iktar baxxa fis-servizzi. Meta mqabbel mal-pubblikazzjoni preċedenti ta' tbassir tal-Bank, l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP ma ġietx riveduta. Filwaqt li l-inflazzjoni fis-servizzi ġiet riveduta 'l fuq b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2025 u l-2026, l-inflazzjoni fl-ikel, fil-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija u fil-prezzijiet tal-enerġija ma nbidlitx.
Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jonqos gradwalment matul il-perjodu tat-tbassir. Hu mistenni li jonqos minn 3.7% fl-2024 għal 3.4% fl-2025, għal 3.0% fl-2026 u għal 2.6% fl-2027. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG mistenni li jilħaq il-livell massimu ta' 48.7% fl-2026 u jbatti bi ftit fl-2027. Meta mqabbel mat-tbassir ta' Ġunju tal-Bank, il-profil tad-defiċit u d-dejn baqa' fil-biċċa l-kbira l-istess għall-2025 u l-2026 u kemxejn aktar baxx fl-2027.
Ir-riskji għall-attività huma pjuttost bbilanċjati. Ir-riskji negattivi fil-biċċa l-kbira jirriżultaw minn effetti negattivi possibbli fuq id-domanda barranija minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi u bidliet futuri relatati mal-impożizzjoni ta' tariffi tal-Istati Uniti lil hinn minn dawk inklużi fit-tbassir. Min-naħa l-oħra, l-impjiegi u l-pagi jistgħu juru dinamika saħansitra aktar b'saħħitha minn dik prevista f'dan it-tbassir. Dan għandu jżid it-tkabbir fil-konsum privat u b'hekk iżid it-tkabbir fil-produzzjoni aktar milli previst.
Ir-riskji għall-inflazzjoni huma relattivament bbilanċjati matul il-perjodu tat-tbassir u jirrelataw l-aktar ma' fatturi esterni. L-inflazzjoni tista' tiżdied jekk jerġgħu jitfaċċaw restrizzjonijiet fil-provvista kkawżati minn kunflitti ġeopolitiċi li għaddejjin bħalissa kif ukoll minn spejjeż ogħla tal-produzzjoni, jew minn bidliet fil-politika kummerċjali globali. Minkejja dan, riskji bħal dawn jistgħu wkoll jiġu mxejna b'tibdil fir-rotot tal-esportazzjoni minn pajjiżi kompetituri lejn l-UE u pressjonijiet kompetittivi akbar fis-swieq fil-mira tat-tariffi. Barra minn hekk, l-inflazzjoni importata tista' tonqos aktar malajr milli mistenni jekk iż-żona tal-euro tikber b'anqas milli mistenni minħabba l-effetti negattivi fuq it-tkabbir globali minn ostakli għall-kummerċ jew riperkussjonijiet minn kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti li jistgħu jiġu kkawżati minn bidliet fil-politika kummerċjali.
Min-naħa fiskali, ir-riskji huma fil-biċċa l-kbira negattivi (żieda fid-defiċit). Dawn jirriflettu prinċipalment il-possibbiltà ta' iktar infiq rikorrenti, inkluż infiq ogħla milli mistenni fuq miżuri li jtaffu l-effett tal-ispejjeż marbuta mal-enerġija jekk il-prezzijiet tal-materja prima jkunu ogħla milli preżunt. Jirriflettu wkoll il-possibbiltà ta' żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet u l-pagi lejn l-aħħar snin tal-perjodu tat-tbassir.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi żewġ siltiet. L-ewwel silta tipprovdi analiżi fid-dettall tal-iżviluppi riċenti fl-inflazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. It-tieni silta tagħti ħarsa lejn il-perkors tan-nefqa netta li fuqu hu bbażat it-tbassir fiskali.
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
| Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena) |
5.9 |
3.9 |
3.5 |
3.3 |
| Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena) |
2.4 |
2.3 |
2.1 |
2.0 |
| Rata tal-qgħad (% tal-forza tax-xogħol) |
3.1 |
2.8 |
2.7 |
2.7 |
| Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG) |
-3.7 |
-3.4 |
-3.0 |
-2.6 |
| Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG) |
47.4 |
48.3 |
48.7 |
48.6 |
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju