News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
02/07/2025 09:29:00
Ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju tinżamm fost inċertezza ġeopolitika akbar
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika s‑sbatax‑il edizzjoni tiegħu tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (Rapport), li jkopri analiżi komprensiva tad‑dinamika makrofinanzjarja kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali. Ir-Rapport jipprovdi l‑mezzi ta' trażmissjoni ta' dawn l-iżviluppi, l‑implikazzjonijiet tagħhom għar‑riskju sistemiku, u l-livell tar‑reżiljenza tas‑settur finanzjarju f'Malta. Din l-edizzjoni tkopri l-iżviluppi matul l-2024, b'xi aġġornamenti rilevanti dwar il-kuntest makroekonomiku preżenti.
Għalkemm il-pressjonijiet inflazzjonarji battew, li wasslu għall-bidu ta' tnaqqis fil-politika monetarja fit-tieni nofs tas-sena, ir-riġenerazzjoni ekonomika fiż-żona euro baqgħet dgħajfa, f'ambjent makroekonomiku instabbli. Minkejja perjodi ta' volatilità kkawżati minn tensjonijiet ġeopolitiċi, bidliet fl-aspettattivi dwar il-politika monetarja u tħassib dwar il-valutazzjonijiet tal-assi, is-swieq finanzjarji rreġistraw tkabbir moderat fl-2024, iżda xorta baqgħu fraġli. Għall-ġejjieni, ir-riskji negattivi fix-xenarju makroekonomiku jibqgħu preżenti, fosthom parzjalment imqanqlin mill-bidliet fil-politika taħt l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, flimkien mal-volatilità kontinwa fis-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, riskji oħra, mifruxa fuq diversi oqsma, bħat-theddid ċibernetiku u r-riskji relatati mal-klima, jistgħu wkoll jheddu l-istabbiltà finanzjarja. F'dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jibqgħu viġilanti biex jindirizzaw dawn ir-riskji b'mod effettiv.
Minkejja dawn l‑inċertezzi, is‑settur bankarju lokali baqa' reżiljenti, sostnut minn livell għoli ta' kapital u likwidità. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata wkoll mill-eżerċizzji ta' stress test li jsiru biex tiġi ddeterminata r-reżiljenza tal-banek għal xokkijiet estremi taħt diversi xenarji. Filwaqt li l‑banek lokali rreġistraw riżultati ta' profittabbiltà diversa, il‑banek domestiċi ewlenin kisbu riżultati modesti. Madankollu, il-profittabbiltà mistennija li timmodera minħabba tnaqqis fid-dħul nett mill-imgħax. Id-dinamika qawwija u persistenti tas-suq lokali tal-proprjetà immobbli residenzjali wasslet għal konċentrazzjoni akbar fis-settur tas-self relatat mal-proprjetà. Madankollu, it-tħassib dwar il-kwalità tal-assi baqa' baxx, sostnut minn tkabbir ekonomiku b'saħħtu, żviluppi favorevoli fis-suq tax-xogħol u fis-swieq finanzjarji.
Fl-2024, is-settur tal-assigurazzjoni relevanti għall-pajjiż fil-kuntest domestiku baqa' reżiljenti, b'livell ta' kapital tajjeb u sostnut minn livelli stabbli ta' likwidità. L-assiguraturi tas-settur tal-ħajja bbenefikaw minn irkuprar fil-premia relatati mal-prodotti marbuta ma' indiċi u ta' unità, filwaqt dawk tas-settur mhux tal-ħajja raw attività ta' sottoskrizzjoni u investiment b'saħħitha. Il-fondi ta' investiment raw ukoll irkupru, li kien primarjament immexxi mill-andament b'saħħtu fis-suq tal-ishma fl-2024. Il-livell ta' dejn baqa' baxx, hekk kif il-biċċa l-kbira tal-fondi rilevanti għas-suq lokali huma UCITS u li huma soġġetti għal limiti fuq l-użu tad-dejn.
Ir‑Rapport jinkludi wkoll għadd ta' artikli li jindirizzaw l-iżviluppi fiċ‑ċiklu finanzjarju u l-credit gaps kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta' policy relatata mal‑estensjoni tal-bafer tar-riskju sistemiku settorjali. Ir‑Rapport fih ukoll silta dwar l‑għarfien miksub mill‑istħarriġ li jsir kull tliet xhur fuq is-self tal-banek, u l-eżitu ta' stħarriġ dwar l‑isforzi ta' sostenibbiltà tal‑banek domestiċi ewlenin flimkien mal‑imġiba tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' self u investimenti. Barra minn hekk, ir-Rapport jinkludi evalwazzjoni komprensiva tas‑suq lokali tal‑proprjetà immobbli kummerċjali, aġġornament dwar il‑mudell tat‑telf mistenni ta' kreditu, kif ukoll is‑sejbiet preliminari dwar l‑effetti tad‑Direttiva 16.
Lura lejn l-Arkivju