News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
06/06/2025 10:04:00
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali - 2025-2027
It-tkabbir ekonomiku rivedut marġinalment 'l isfel għall-2026
Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) reali f'Malta għandu jbatti minn 6.0% fl‑2024 għal 4.0% fl‑2025 u jimmodera aktar fis‑sentejn ta' wara biex jilħaq it-3.3% fl‑2027. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti, il-prospetti għat-tkabbir fil-PDG huma b'mod ġenerali l-istess ħlief għal xi reviżjonijiet żgħar 'l isfel relatati mal-effetti ta' tariffi addizzjonali tal-Istati Uniti mħabbra mill-eżerċizzju tat-tbassir preċedenti li huma mxejna minn reviżjoni 'l fuq fil-konsum u l-investiment tal-gvern.
It-tkabbir mistenni li jkun xprunat mid-domanda domestika, minħabba tkabbir b'saħħtu fil-konsum privat, filwaqt li l-investiment għandu jkompli jirkupra. Barra minn hekk, l-esportazzjoni netta hija mistennija li tkompli tagħti kontribut pożittiv matul il-perjodu tat-tbassir, xprunata mill-kummerċ fis-servizzi, għalkemm il-kontribut mistenni li jkun iżgħar minn dak tad-domanda domestika.
Flimkien mal-PDG, it-tkabbir fl-impjiegi huwa mistenni li jimmodera gradwalment minn 5.1% fl-2024 għal 2.3% sal-2026 u l-2027. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tinżel bi ftit għal 3.0% fl-2025 u tibqa' f'dan il-livell matul il-perjodu kollu tat-tbassir.
Peress li s-suq tax-xogħol mistenni li jsir inqas restrittiv u l-inflazzjoni mistennija tkompli timmodera, dan għandu jnaqqas il-pressjoni fuq il-pagi. It-tkabbir fil-pagi huwa mistenni li jimmodera għal 4.4% fl-2025 minn 5.9% fis-sena ta' qabel, u mbagħad mistenni li jkompli jonqos fis-snin ta' wara.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hija mbassra li tkompli timmodera, u tonqos minn 2.4% fl-2024 għal 2.3% din is-sena u tkompli tonqos għal 2.0% sal-2027. Meta mqabbel mal-pubblikazzjoni preċedenti tal-Bank dwar it-tbassir, l-inflazzjoni ġiet riveduta 'l fuq b'0.2 ta' punt perċentwali fl-2025 u b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2026, filwaqt li mistennija li tibqa' l-istess fl-2027. Fl-2025, ir-reviżjoni 'l fuq tirrifletti l-aħħar data uffiċjali. Ir-reviżjoni 'l fuq għall-2026 tirrifletti reviżjoni 'l fuq fl-inflazzjoni fis-servizzi minħabba reviżjoni 'l fuq fl-2025.
Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jonqos għal 3.4% fl-2025, għal 3.0% fl-2026 u għal 2.7% fl-2027. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG mistenni li jilħaq il-livell ta' 48.6% sal-2026 u jibqa' madwar dan il-livell fl-2027. Il-proporzjon tad-defiċit fil-PDG previst bejn l-2025 u l-2027 qiegħed f'livell kemxejn ogħla meta mqabbel mat-tbassir tal-Bank li sar f'Marzu. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn fil-PDG ġie rivedut marġinalment 'l isfel, l-aktar minħabba reviżjonijiet fiċ-ċifri tal-kontijiet nazzjonali.
Ir-riskji għall-attività huma b'mod ġenerali bbilanċjati. Ir-riskji negattivi fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-possibbiltà ta' effetti negattivi fuq id-domanda minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi, tariffi ogħla mill-Istati Uniti lil hinn minn dawk inklużi fit-tbassir, u l-possibbiltà ta' ritaljazzjoni. Min-naħa l-oħra, is-suq tax-xogħol jista' jkun aktar b'saħħtu minn dak previst, li jista' jwassal għal tkabbir ogħla fil-konsum privat u fl-investiment.
Ir-riskji għall-inflazzjoni huma b'mod ġenerali bbilanċjati matul il-perjodu tat-tbassir u huma relatati l-aktar ma' fatturi esterni. Ir-riskji ta' żieda għall-inflazzjoni fl-immedjat jistgħu jirriżultaw minn żviluppi fil-politika kummerċjali globali. Il-miżuri ta' ritaljazzjoni mill-UE jkollhom ukoll impatt immedjat 'il fuq fl-inflazzjoni. Riskji bħal dawn jistgħu wkoll jiġu mxejna b'tibdil fir-rotot tal-esportazzjoni minn pajjiżi kompetituri lejn l-UE u pressjonijiet kompetittivi akbar fis-swieq fil-mira tat-tariffi. Mil-lat negattiv, l-inflazzjoni importata tista' tonqos aktar malajr milli mistenni jekk l-effetti negattivi tal-ostakli għall-kummerċ fuq id-domanda globali jkunu aktar b'saħħithom.
Ir-riskji fiskali huma fil-biċċa l-kbira negattivi (żieda fid-defiċit). Dawn jirriflettu l-aktar il-possibbiltà ta' żieda fin-nefqa rikorrenti. Jirriflettu wkoll il-possibbiltà ta' żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet u l-pagi lejn l-aħħar snin tal-perjodu tat-tbassir.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi żewġ siltiet addizzjonali. L-ewwel silta tagħti ħarsa lejn il-kummerċ tal-merkanzija minn Malta lejn l-Istati Uniti u tevalwa l-impatt makroekonomiku ta' tariffa ta' 10% mill-Istati Uniti fuq prodotti ġejjin mill-UE. Dan jassumi wkoll li l-UE ma tirritaljax. It-tieni silta tagħti ħarsa lejn il-kompożizzjoni tal-infiq kapitali tal-gvern.
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
| Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena) |
6.0 |
4.0 |
3.5 |
3.3 |
| Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena) |
2.4 |
2.3 |
2.1 |
2.0 |
| Rata tal-qgħad (% tal-forza tax-xogħol) |
3.1 |
3.0 |
3.0 |
3.0 |
| Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG) |
-3.7 |
-3.4 |
-3.0 |
-2.7 |
| Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG) |
47.4 |
48.2 |
48.6 |
48.6
|
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju