News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
25/04/2025 08:28:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2025
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fl-ewwel kwart tal‑2025 il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju laħaq il-15%, minn 9% fil-kwart ta' qabel. In-negozji li joperaw fis-settur tas-servizzi kellhom l-ogħla proporzjon nett ta' negozji li rrappurtaw livelli ta' attività ogħla. B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet kienu wkoll pożittivi fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà, u fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. B'kuntrast, is-settur tal-manifattura rrapporta kundizzjonijiet ġenerali negattivi minħabba li l-biċċa l-kbira tal-parteċipanti ddeskrivew bidu dgħajjef ħafna għas-sena 2025.
L-aspettattivi tan-negozji għall-ġejjieni kienu aktar ottimisti mill-fehma li kellhom dwar l-aħħar żviluppi, hekk kif proporzjon nett ta' 35% tan-negozji intervistati stennew titjib fl-attività tan-negozju fix-xhur li ġejjin. Dan jitqabbel ma' 20% fil-kwart ta' qabel. In-negozji tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà juru l-aktar prospetti favorevoli, segwiti mis-settur tal-manifattura. L-aspettattivi tan-negozji huma wkoll b'mod ġenerali pożittivi fis-settur tas-servizzi, fejn in-negozji jipprevedu żidiet staġonali fid-domanda, u fost il-bejjiegħa bl-imnut. Madankollu, f'diversi oqsma, l-ottimiżmu huwa mtappan minn riskji esterni bħat-tariffi, il-kompetittività esterna, kompetizzjoni fis-swieq domestiċi u ż-żieda fis-sensittività tal-konsumaturi għal żidiet fil-prezzijiet.

Kien hemm żieda fil-proporzjon nett tal-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Fil-fatt, 81% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, aktar mill-proporzjon nett ta' 69% li rrappurtaw xejriet simili fil-perjodu ta' qabel. Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla żdied ukoll u laħaq il-livell ta' 48% fl-ewwel kwart tal-2025, wara 29% fil-kwart preċedenti.
Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar niżel bi ftit għal 24%, minn 27% fil-kwart ta' qabel, xprunat minn iffukar fuq il-modernizzazzjoni, it-tkabbir u t-titjib fl-effiċjenza. It-tweġibiet dwar il-pjanijiet dwar l-impjiegi jindikaw żieda fir-ritmu tal-ħolqien tal-impjiegi, b'bilanċ nett ta' 46% meta mqabbel ma' 24% fil-kwart ta' qabel. Madankollu, l-iskarsezza ta' ħaddiema għadha tippersisti.
Din il-pubblikazzjoni tinkorpora wkoll silta li tipprovdi għarfien dwar analiżi speċifika għas-settur dwar il-kummerċ bl-imnut.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.
1 Il‑fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju