News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
24/01/2025 08:57:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2025
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fir-raba' kwart tal‑2024, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju ddgħajjef meta mqabbel mal-kwart ta' qabel - minn 15% niżel għal 9%. Madankollu, il-biċċa l-kbira tan-negozji żammew livelli stabbli fl-operat tagħhom minkejja żidiet fl-ispejjeż. In-negozji tal-manifattura u dawk li joperaw fis-settur tas-servizzi komplew jirrappurtaw tkabbir fl-attività, filwaqt li oħrajn, b'mod partikolari s-settur tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, kif ukoll dak tal-kostruzzjoni, iffaċċjaw pressjoni minħabba tnaqqis fid-domanda.
L-aspettattivi tan-negozji għall-ġejjieni kienu aktar ottimisti mill-fehma tagħhom dwar l-aħħar żviluppi, hekk kif proporzjon nett ta' 20% tan-negozji stenna titjib fl-attività tan-negozju fix-xhur li ġejjin. Madankollu, dan il-proporzjon xorta kien aktar baxx minn dak ta' 37% osservat fil-kwart ta' qabel. In-negozji tal-kostruzzjoni u l-proprjetà juru l-inqas prospetti favorevoli. L-aspettattivi tan-negozju tjiebu fost il-bejjiegħa, li jipprevedu żidiet staġjonali fid-domanda, filwaqt li l-istess proporzjon tan-negozji tal-manifattura għadu qed jistenna tkabbir bħal fil-kwart ta' qabel. Min-naħa l-oħra, il-proporzjon nett tan-negozji fis-settur tas-servizzi li jistenna titjib fl-attività naqas aktar min-nofs.

Kien hemm żieda fil-proporzjon nett tal-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Fil-fatt, 69% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, aktar mill-proporzjon nett ta' 63% rrappurtat fil-perjodu ta' qabel. Madankollu, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla kien fil-livell ta' 29% fir-raba' kwart tal-2024, tnaqqis minn 41% fil-kwart preċedenti. Dan kien l-aktar proporzjon baxx mit-tielet kwart tal-2021.
Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar żdied għal 27%, minn 0% fil-kwart ta' qabel, xprunat minn iffukar fuq is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni. It-tweġibiet dwar il-pjanijiet dwar l-impjiegi juru ritmu simili fil-ħolqien tal-impjiegi bħal fit-tielet kwart, b'bilanċ nett ta' 24% meta mqabbel ma' 22% fil-kwart ta' qabel. Madankollu, l-iskarsezza ta' ħaddiema għadha tippersisti.
Din il-pubblikazzjoni tinkorpora wkoll silta dwar il-bidliet fl-ispejjeż u l-profittabbiltà tal-kumpaniji matul l-aħħar sentejn. Il-proporzjon ta' kumpaniji li jirrappurtaw profitti ogħla fl-2024 huwa aktar mid-doppju ta' dak fl-2023. Fil-fatt, 29% tal-kumpaniji intervistati fl-2024 rrappurtaw profitti ogħla meta mqabbla ma' 14% fl-2023. Il-kumpaniji Maltin adattaw l-istrateġiji tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, bit-tweġibiet li juru li żidiet fil-prezzijiet tal-bejgħ għal diversi negozji kienu effettivi biex jiksbu profitti ogħla jew għall-inqas iżommu livelli ta' profitt stabbli. Madankollu, aktar minn terz tan-negozji kienu kapaċi wkoll iżidu l-profitti tagħhom mingħajr ma jbiddlu l-prezzijiet, x'aktarx billi żiedu l-effiċjenza jew jakkwistaw prodotti orħos.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.
1 Il‑fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju