News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
22/05/2024 09:30:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fil‑Laqgħa Annwali tal‑BERŻ f'Yerevan, l‑Armenja
Fit-tlieta u tletin Laqgħa Annwali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li din is-sena saret bejn l-erbatax u s-sittax ta' Mejju f'Yerevan, l-Armenja, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, li huwa wkoll Gvernatur tal-BERŻ, kien irrappreżentat minn Mr Matthew Zammit mill-International Relations Office tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Dan l-avveniment ewlieni fiċ-ċiklu annwali tal-istituzzjoni jinkludi s-Sessjoni Plenarja tal-Bord tal-Gvernaturi (l-ogħla korp deċiżjonali tal-BERŻ), kif ukoll diversi avvenimenti addizzjonali organizzati taħt il-Forum tan-Negozju. Fost l‑aktar avvenimenti importanti tal‑laqgħa kien hemm l‑elezzjoni tal‑President Odile Renaud‑Basso għat‑tieni mandat tiegħu, kif ukoll diskussjonijiet dwar id‑direzzjoni futura tal‑Bank fi żmien ta' taqlib ġeopolitiku.
Imwaqqaf fl-1991, il-BERŻ huwa istituzzjoni ddedikata għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta' settur privat b'saħħtu. Tlieta u sebgħin pajjiż minn ħames kontinenti, kif ukoll l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment, huma l-azzjonisti tal-BERŻ. Malta hija membru fundatur tal-BERŻ.
Bit-tema 'Delivering Impact Together', l-avveniment laqqa' flimkien esperti tal-industrija, mexxejja tan-negozju u membri tal-BERŻ biex jaqsmu l-perspettivi tagħhom. Id-diskussjonijiet iffukaw dwar kif għandhom jiġu megħjuna l-ekonomiji fir-reġjuni tal-BERŻ sabiex jirnexxu billi jadattaw għal ambjent li dejjem jinbidel. Panels speċjalizzati ddiskutew suġġetti li jixprunaw il-ħsieb dwar ix-xenarju makroekonomiku, it-titjib fl-aċċess għall-finanzi, l-enerġija rinnovabbli, ir-riżorsi naturali, l-infrastruttura sostenibbli, l-inklużjoni ekonomika, u d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġija, fost oħrajn.

Lura lejn l-Arkivju