News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

03/05/2024 12:00:00

Revoka tad-Direttiva Nru 18 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar Moratorju fuq Faċilitajiet ta’ Kreditu

Wara t-tmiem tal-perjodu ta' moratorju stabbilit fid-Direttiva Nru 18 u l-istabbilizzazzjoni tal-attività ekonomika wara l-pandemija tal-COVID-19, il-Bank Ċentrali ta' Malta jħabbar ir-revoka tad-Direttiva Nru 18 dwar il-moratorju fuq faċilitajiet ta' kreditu f'ċirkostanzi eċċezzjonali, b'effett immedjat.

Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-13 ta' April 2020 b'reazzjoni għall-imxija tal-COVID-19, li tipprovdi linji gwida għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji fir-rigward tal-għoti ta' moratorji fuq il-pagamenti tal-kapital u tal-imgħax. Din il-miżura temporanja kellha l-għan li ttaffi l-piżijiet finanzjarji fuq dawk li jissellfu u li setgħu juru li ġew affettwati ħażin mill-pandemija. B'hekk kienet tippermetti flessibilità fil-ħlasijiet lura tas-self.

Ir-revoka tad-Direttiva 18 tfisser tranżizzjoni lejn operat bankarju regolari, b'dawk li jissellfu jkomplu l-iskedi normali tagħhom ta' ħlas lura skont il-ftehimiet tagħhom ta' self.

Lura lejn l-Arkivju