News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

29/04/2024 12:29:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ April

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali b’mod ġenerali baqa’ l-istess 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Marzu, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' b'mod ġenerali l-istess fi Frar, u kien taħt il-medja storika.

L-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea żdied f'Marzu, iżda baqa' taħt il-medja storika. L-indikatur tal-aspettattivi tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi kien ukoll taħt il-medja tagħha fuq żmien twil.

L-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fis-settur tal-kostruzzjoni, u f'livell inqas fl-industrija u fost il-konsumaturi, iżda naqsu fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi.

L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali naqset fuq sena qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied f'termini annwali. Il-qgħad baqa' f'livell baxx minn perspettiva storika.

Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu f'livell ogħla fi Frar meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Marzu, l-għadd ta' konvenji residenzjali żdied fuq sena qabel, iżda naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.

Fi Frar, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, kienu f'livell ogħla minn sena ilu għat-tielet darba konsekuttiva. Dan wara tnaqqis fit-tieni nofs tal-2023. Din iż-żieda kienet xprunata l-aktar minn bilanċi li jappartjenu lill-familji. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir-residenti Maltin kiber meta mqabbel ma' xahar qabel.

F'Marzu, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.7%, filwaqt li l‑HICP li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel baqa' taħt il‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadattant, l‑inflazzjoni, skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), naqset għal 1.9%, l‑aktar rata baxxa sa minn Lulju 2021.

Fi Frar, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus kemxejn aktar baxx meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Aġġornament Ekonomiku 4/24

Lura lejn l-Arkivju