News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
28/03/2024 09:27:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Marzu
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jibqa' taħt il-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li fi Frar it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas marginalment u baqa' taħt il-medja storika.
Fi Frar kien hemm tnaqqis fl-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea. Dan l-indikatur, u l-aspettattivi dwar l-impjiegi, kienu t-tnejn taħt il-medja storika tagħhom.
L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu kważi fis-setturi kollha, bl-akbar tnaqqis irreġistrat fost il-konsumaturi u fis-settur tal-kostruzzjoni. B'kuntrast, l-aspettattivi tal-prezzijiet fl-industrija kienu inqas negattivi meta mqabbla ma' xahar qabel.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali naqset fuq sena qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied marġinalment f'termini annwali. Il-qgħad baqa' f'livell baxx minn perspettiva storika.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu inqas f'Jannar meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. Fi Frar, in-numru ta' konvenji kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu meta mqabblin ma' sena ilu.
F'Jannar, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, kienu ogħla mil-livell ta' sena ilu għat-tieni darba konsekuttiva. Dan, wara ftit xhur ta' tnaqqis f'termini annwali fit-tieni nofs tal-2023. Din iż-żieda kienet xprunata l-aktar minn bilanċi li jappartjenu lill-familji. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir-residenti Maltin ma nbidilx minn xahar qabel.
Fi Frar, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet għal 3.0%, filwaqt li l‑HICP li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel baqa' taħt il‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadattant, tnaqqis ta' xahar fuq xahar fil‑prezzijiet tal‑ikel matul ix‑xahar wassal biex l-inflazzjoni, skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), niżlet għal 2.3%, l‑inqas rata osservata minn Settembru 2021.
F'Jannar, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju