News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
27/03/2024 14:17:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jestendi l-kollaborazzjoni mal-Caritas
Il-Bank Ċentrali ta' Malta estenda l-kollaborazzjoni tiegħu mal-Fondazzjoni Caritas Malta bi ftehim ġdid bil-għan li jiġi estiż il-Programm ta' Għajnuna għall-Impjegati tiegħu għal perjodu ta' tliet snin.
Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, u mid-Direttur tal-Fondazzjoni Caritas Malta, Anthony Gatt.
B'dan il-ftehim, il‑Caritas flimkien mat‑Taqsima tat‑Taħriġ u l‑Iżvilupp fi ħdan id‑Dipartiment tar‑Riżorsi Umani tal‑Bank, ser jipprovdu diversi sessjonijiet ta' għarfien lill‑impjegati tal‑Bank dwar is‑servizzi offruti u l‑benefiċċji tal‑programm.
"Il-Bank jagħti importanza kbira lis-saħħa tal-impjegati tiegħu. Jippromwovi b'mod attiv il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, billi jinkoraġġixxi stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa fost l-impjegati tiegħu. B'mod partikolari matul perjodi ta' sfida, il-Bank jiżgura li l-assistenza tkun disponibbli fil-pront u li l-impjegati jirċievu appoġġ u taħriġ rilevanti. Dan filwaqt li l-Bank isostni l-impenn tiegħu għall-benesseri tagħhom", qal il-Professur Scicluna.
Mr Gatt irringrazzja lill-Gvernatur u l-Bord tal-Bank Ċentrali ta' Malta għall-appoġġ kontinwu mogħti lill-Caritas fil-missjoni tagħha li tgħin lil persuni fil-bżonn, flimkien mal-impenn tal-Bank fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja tal-impjegati tiegħu u l-familji tagħhom permezz tal-Programm ta' Għajnuna għall-Impjegati.

Filliera ta' wara mix-xellug: Paul Farrugia, Chief Officer tar-Riżorsi Umani, Oliver Bonello, Deputat Gvernatur, Anġlu Fenech, Segretarju Amministrattiv tal-Fondazzjoni Caritas Malta
Filliera ta' quddiem mix-xellug: Il-Gvernatur il-Professur Edward Scicluna u Anthony Gatt, id-Direttur tal-Fondazzjoni Caritas Malta
Ritratt: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju