News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

15/03/2024 15:42:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Bank Ewropew tal-Investiment jospitaw Konferenza intitolata ‘EIB investment towards the green, digital and energy transition in small states’

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank), flimkien mal‑Bank Ewropew tal‑Investiment (BEI), ospita konferenza bit-tema 'EIB investment towards the green, digital and energy transition in small states', li saret il‑Ġimgħa 15 ta' Marzu 2024 fil‑Bank Ċentrali ta' Malta fil‑Belt Valletta. Il-konferenza ffukat dwar il-finanzjament tat-tranżizzjoni tripla fi stati żgħar: kif l-aħjar jiġu ffinanzjati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u tal-enerġija, b'enfasi fuq l-isfidi partikolari li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istati ż-żgħar.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, fetaħ il‑konferenza. Warajh tkellmet il-Viċi President tal-BEI, Gelsomina Vigliotti, li irrimarkat li "l-istati gżejjer żgħar iġorru l-piż tal-impatti tat-tibdil fil-klima, u jiffaċċjaw sfidi u theddid sproporzjonati." Bħala l-Bank tal-UE għall-Klima, il-BEI huwa impenjat bis-sħiħ li jgħin lil Malta fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tagħha għat-tibdil fil-klima billi jappoġġja proġetti li jikkontribwixxu għat-trażżin tat-tniġġis, jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija, u jmexxu 'l quddiem l-iżvilupp ta' teknoloġiji tant kruċjali għat-trawwim ta' ekonomija sostenibbli." Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli għamlet id-diskors ewlieni.

Fid-diskors ewlieni tagħha, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat li t-tranżizzjoni tripla li tinkludi t-trasformazzjonijiet ekoloġiċi, diġitali, u tal-enerġija, hija sett ta' miri li jiggwidawna lejn is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, u r-reżiljenza. "It-tranżizzjoni ekoloġika, it-tranżizzjoni diġitali, u t-tranżizzjoni tal-enerġija ser jippermettu lil Malta li twitti t-triq għal ekonomija, soċjetà, u ambjent aħjar għall-ġenerazzjoni tagħna u għal dawk ta' warajna. Malta hija impenjata bis-sħiħ f'din it-tranżizzjoni, mhux biss minħabba l-obbligi internazzjonali tagħha, iżda wkoll għax dan il-gvern konxjament għażel li jmexxi din il-bidla", qalet il-Ministru Dalli.

Iċ-Chief Economist tal-BEI, Debora Revoltella, ippreżentat ir-riżultati ewlenin mill-aħħar Stħarriġ dwar l-Investiment tal-Bank tal-UE. L-istħarriġ joffri għarfien uniku dwar ix-xenarju tal-investiment korporattiv, b'mod partikolari fir-rigward tal-prijoritajiet ta' investiment tan-negozji u tar-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw. "L-edizzjoni ta' din is-sena tenfasizza li n-negozji Maltin huma dejjem aktar konxji tal-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u minn xokkijiet fil-prezz tal-enerġija u qed jieħdu miżuri proattivi bħala rispons. Hemm progress viżibbli fl-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali avvanzati bħal pjattaformi diġitali, drones, kif ukoll ta' big data/intelliġenza artifiċjali. Madankollu, hemm spazju għal aktar investiment f'miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u għall-appoġġ tal-iżvilupp ta' strateġiji ta' adattament għall-klima li, flimkien mal-indirizzar tan-nuqqas ta' ħiliet, isaħħu l-iżvilupp ta' investimenti ekoloġiċi. Il-prijoritizzazzjoni tal-aċċess għall-finanzi u l-użu ta' strumenti katalitiċi jista' jkollhom rwol ċentrali fit-trasformazzjoni tal-ekonomija u t-tisħiħ tal-kompetittività."

Konferenza Konġunta bejn il-Bank u l-BEI

Ritratt: Melvin Bugeja

L-ekonomisti tal-Bank, Warren Deguara u Erica Brincat, mill-Economic Analysis Department, ippreżentaw għall-ewwel darba wħud mir-riżultati ta' stħarriġ ġdid li l-Bank mexxa fost in-negozji Maltin. L-istħarriġ għandu l-għan li jevalwa l-għarfien dwar materji li għandhom x'jaqsmu mal-impatt tat-tibdil fil-klima u r-riskji li dan iġib miegħu għall-attività tagħhom. L-istħarriġ jidħol ukoll fl-impatt possibbli li l-politiki ta' mitigazzjoni jista' jkollhom fuq l-operat tal-kumpaniji lokali, kif ukoll l-investiment kemm fil-kapital fiżiku kif ukoll fil-kapital uman li ser ikun meħtieġ biex jgħin fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika. L-istħarriġ juri li n-negozji jemmnu li l-kuxjenza ambjentali ġenerali f'Malta għad trid titjieb. Madankollu, il-biċċa l-kbira tan-negozji jaqblu li t-tibdil fil-klima u l-politiki ta' mitigazzjoni relatati ser iħaffu l-użu ta' teknoloġiji ġodda u aktar nodfa.

Wara, saret diskussjoni tal-panel ippreseduta miċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) David Xuereb, bit-titlu 'Financing of the transitions - opportunities and challenges of Malta'. Il-membri tal-panel kienu jinkludu Gilles Badot, Direttur tad-Dipartiment tal-Baħar Adrijatiku tal-BEI; Carlos Maravall Rodriquez, Koordinatur tal-pajjiż għal Malta; Paul Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank Malti ta' Żvilupp; Marcel Cassar, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' APS Bank u Chairman għall-MBA u Marthese Portelli, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ.

F'kumment dwar din il-konferenza, il-Professur Scicluna qal: "Il-potenzjal ta' stati żgħar biex jikkontribwixxu għall-isfidi globali huwa kbir. Dan bis-saħħa tal-potenzjal trasformattiv tagħhom aktar mgħaġġel. Madankollu, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali u ma' pajjiżi oħra hija essenzjali biex jinkisbu riżultati li jistgħu jiġu rreplikati xi mkien ieħor, fuq skala kbira."

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta' self fit-tul tal-Unjoni Ewropea li hija proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Dan jipprovdi finanzjament fit-tul għal investimenti sodi li jikkontribwixxu għall-politika tal-UE. Il‑BEI jiffinanzja proġetti f'erba' oqsma prijoritarji: l‑infrastruttura, l‑innovazzjoni, il‑klima u l‑ambjent, u l‑intrapriżi żgħar u medji.

Lura lejn l-Arkivju