News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

29/02/2024 15:05:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Frar

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn taħt il-medja storika

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Jannar, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali niżel marġinalment taħt il-medja storika.

F'Jannar l-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea niżel taħt il-medja storika tiegħu. L-aspettattivi dwar l-impjiegi naqsu wkoll meta mqabbla ma' xahar qabel.

Fis-setturi produttivi, l-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fost il-bejjiegħa u fis-settur tal-kostruzzjoni, iżda naqsu b'mod qawwi fis-settur tas-servizzi u fl-industrija.

L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif ir-rata tat-tkabbir annwali tal-produzzjoni industrijali kienet ogħla minn dik ta' Novembru, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas f'termini annwali. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli f'Diċembru.

Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu aktar baxxi iżda dawk għal bini kummerċjali kienu ogħla f'Diċembru meta mqabbla mas-sena ta' qabel. F'Jannar, in-numru ta' konvenji tela' meta mqabbel ma' sena qabel, filwaqt li n-numru ta' kuntratti ta' bejgħ baqa' kważi l-istess.

F'Diċembru, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, kienu f'livell ogħla minn dak ta' sena ilu, wara erba' xhur konsekuttivi ta' tnaqqis annwali. Din iż-żieda kienet xprunata l-aktar minn bilanċi li jappartjenu għall-familji. Sadattant, it-tkabbir annwali fil‑kreditu lir-residenti Maltin kiber b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel ma' xahar qabel.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 3.7% f'Jannar, l-istess bħax-xahar ta' qabel. Madankollu, l‑inflazzjoni skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) naqset għal 3.2% minn 3.6% f'Diċembru.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Aġġornament Ekonomiku 2/24

Lura lejn l-Arkivju