News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

31/01/2024 15:50:00

Preżentazzjoni ta’ munita bit-tema tal-‘Karnival ta’ Malta’

F'ċerimonja li saret dalgħodu fil-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Gvernatur tal-Bank il-Professur Edward Scicluna ppreżenta munita tal-fidda bit-tema 'Karnival ta' Malta' lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fl-okkażjoni tal-Karnival ta' Malta li ser jittella' fix-xahar ta' Frar 2024.

Il-Gvernatur Scicluna waqt id-diskors tiegħu
Mix-Xellug: Mr Benoit Waelkens, Mr Jason Busuttil, Mr Frans Agius, il-Gvernatur il-Professur Edward Scicluna, l-Onorevoli Ministru Owen Bonnici, Mr Aaron Zahra, Mr Peter Paul Tabone u Mr Melvin Bugeja

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li l-Karnival huwa avveniment sinifikanti ħafna fil-kalendarju kulturali ta’ Malta u dan mhux biss għaliex għandu sinifikat storiku u patrimonjali, iżda wkoll għaliex għandu dimensjoni ta’ ċelebrazzjoni vivaċi u kontemporanja.  Huwa rringrazzja lill-Bank Ċentrali ta’ Malta ta’ dan il-ġest sabiħ li huwa fih innifsu sinjal ta’ apprezzament tal-ħidma ta’ ħafna u ħafna artisti li għandhom passjoni għall-Karnival.

L-Onorevoli Ministru Owen Bonnici waqt id-diskors tiegħu

Fil-kummenti tiegħu, il-Gvernatur Scicluna qal li l-Bank għal darb’oħra jinsab kburi jippreżenta lill-pubbliku munita ġdida li tirrappreżenta aspett tal-wirt u l-kultura popolari Maltin din id-darba bit-tema tal-‘Karnival ta’ Malta’.

Il-Gvernatur Scicluna mal-Onorevoli Ministru Owen Bonnici

Il-munita, li għandha valur nominali ta’ €10, inħadmet mir-Royal Dutch Mint. Hija magħmula fil-fidda 0.925, għandha dijametru ta’ 38.61mm u tiżen 28.28g. Il-kwalità tagħha hija proof-like.

Filmat: Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali

Il-faċċata tal-munita turi figura femminili qed tiżfen liebsa maskra mqabbda fi sfond ta’ disinn ġeometriku jiżboq il-kuluri tal-qawsalla. Il-munita tiġbor fiha l-ferħ, il-gost u l-kulur tal-festi assoċjati mal-Karnival f’Malta. Fuq in-naħa ta’ wara tidher l-arma tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Għall-preżentazzjoni attendew ukoll iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Mr Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv Mr Frans Agius u d-Direttur Artistiku Mr Jason Busuttil. Preżenti wkoll kien hemm uffiċjali tal-Bank Ċentrali Mr Benoit Waelkens, Chief Officer Banking Operations flimkien ma’ Mr Peter Paul Tabone u Mr Melvin Bugeja mill-Currency Operations Office.

Il-munita, li għandha valur nominali ta’ €10, inħadmet mir-Royal Dutch Mint.

Ritratti: Veronica Sant

Lura lejn l-Arkivju