News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
29/01/2024 10:35:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Jannar
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn ogħla mill-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Diċembru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika.
F'Diċembru kien hemm żieda fl-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea. Dan baqa' f'livell ogħla mill-medja storika tiegħu. L-aspettattivi dwar l-impjiegi żdiedu wkoll meta mqabbla ma' xahar qabel.
L-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fost in-negozji fis-settur tas-servizzi u l-konsumaturi iżda naqsu fis-setturi l-oħra meta mqabbla ma' Novembru. Meta mqabbla mal-medja għall-2022, l-aspettattivi tal-prezzijiet fl-2023 naqsu b'mod sinifikanti fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u fl-industrija iżda żdiedu b'mod qawwi fis-settur tal-kostruzzjoni.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali kibret b'ritmu inqas mgħaġġel minn sena qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied wara tnaqqis fix-xahar ta' qabel. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli f'Novembru.
Il-permessi għal bini residenzjali u kummerċjali naqsu f'Novembru meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Diċembru n-numru ta' konvenji u kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu meta mqabblin ma' sena ilu.
F'Novembru, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, kienu f'livell inqas minn dak ta' sena ilu. Dan it-tnaqqis kien dovut għall-bilanċi miżmuma minn intermedjarji finanzjarji u dawk li jappartjenu lin-negozji. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir-residenti Maltin kiber b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel ma' xahar qabel.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kompliet tbatti għal 3.7% f'Diċembru. L‑inflazzjoni skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) baqgħet fil-livell ta' 3.6%.
F'Novembru, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit akbar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq żdied filwaqt li d-dħul naqas.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju